Filwaqt illi qal li l-union tal-infermieri u l-qwiebel qed timxi b’mod kapriċċuż, il-Gvern baqa’ ma qalx jekk l-aħħar kontro-proposti preżentati nhar il-Ħamis li għadda kienux il-proposti finali jew le. Dan meta kellu jwieġeb għat-talba li saritlu mill-MUMN, bil-għan li jieqfu l-azzjonijiet.
Iżda l-Gvern baqa’ ma wieġeb assolutament xejn, u ma qalx jekk dawk tal-Ħamis kienux il-proposti finali għall-Ftehim Settorjali l-ġdid. Fi kliem sempliċi – waqt li l-MUMN qed tipprova ssib żblokk għal din is-sitwazzjoni – il-Gvern qed jibqa’ jsabbat saqajh bi stqarrijiet partiġġjani, filwaqt li jinjora l-bżonn li jeħtieġ soluzzjoni illum qabel għada.
Il-Gvern qiegħed ukoll jinjora l-appell tal-MUMN biex jintlaħaq qbil fuq l-aħħar proposti, u minflok irid ikompli b’aktar laqgħat – laqgħat li l-union stess sejħitilhom bħala “bla sens” għaliex l-infermieri u l-qwiebel iridu pakkett realistiku ta’ inċentivi, u mhux kliem biss u aktar laqgħat.
Din hi l-istqarrija sħiħa li ħareġ il-Gvern, fejn baqa’ ma qalx jekk il-kontro-proposti tal-Ħamis humiex finali jew le:
Wara disa’ xhur ta’ taħditiet mal-MUMN li fihom saru 13-il laqgħa u li matulhom il-Gvern ressaq diversi kontro-proposti konkreti biex itejjeb b’mod b’saħħtu u bla preċedent il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tal-infermiera, issa għandu jidħol fis-seħħ l-istadju ta’ konċiljazzjoni hekk kif maqbul bejn il-partijiet fil-ftehim applikabbli.
Dan anke fid-dawl ta’ azzjonijiet industrijali mhux ġustifikati akkumpanjati minn stqarrijiet li m’għandhomx mis-sewwa u li ma jirriflettux dak offrut madwar il-mejda tan-negozjati min-naħa tal-Gvern.
Iktar minn hekk dan hu mument li jitlob li tkun imwaqqfa t-tilwima industrijali u l-azzjonijiet marbuta magħha, biex il-pazjenti jingħataw kull kura li tistħoqqilhom.
Il-Gvern se jieħu l-passi kollha biex jiggarantixxi dan, partikolarment fid-dawl tal-fatt illi qed joffri lill-infermiera, proposti b’saħħithom u għalhekk ma teżisti ebda bażi leġittima għat-tkomplija tal-azzjonijiet.
Din id-darba l-MUMN għandha tagħżel it-triq tar-responsabbiltà u tattendi għal dan il-proċess li jsir skont mekkaniżmu maqbul bejn il-unjins kollha u li jirriżulta mill-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku. Dan il-proċess għandu jwassal biex jiġi ffirmat il-Ftehim Settorjali l-ġdid li se jagħti lill-infermiera l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom.
Dan il-proċess irid jitmexxa f’ambjent seren, liema ambjent jista’ jiggarantih proċess ta’ konċiljazzjoni, u ambjent li ma jkunx ta’ ħsara la fuq il-pazjent u lanqas fil-konfront ta’ ħaddiema oħra fis-servizz tas-saħħa. Din il-ħsara u tbatija lil min jeħtieġ kura mhux se tkun ittollerata u azzjoni industrijali li ma taqax fil-parametri tal-liġi għandha l-konsegwenzi tagħha. L-azzjonijiet tal-MUMN qegħdin saħansitra jheddu dak li nkiseb mal-mejda tan-negozjati sa issa.
Għax irid jerġa’ jkun iċċarat li għall-kuntrarju tal-impressjoni kompletament żbaljata li ppruvat tagħti l-MUMN fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ressaq diversi proposti u tul in-negozjati dawn il-proposti kienu msaħħa filwaqt li baqgħu jsiru b’mod responsabbli u sostenibbli. Bi proposti b’saħħithom li l-MUMN baqgħet tirrifjuta li tikkunsidra kapriċjożament, l-MUMN qed tipperikola l-interessi tal-membri tagħha stess u għalhekk il-pass li jmiss għandu jkun dak ta’ konċiljazzjoni.
//= $special ?>