Lokali

Baraxx ta’ kritika lejn FreeHour wara l-arrest tal-erba’ studenti

“Nuqqas ta’ professjonalita. Imisskom tistħu. Dawn l-istudenti salvawkom u minflok spiċċaw arrestati. Mhux vera kumpanija li qiegħda hemm għall-istudenti.”

Dawn huma wħud mill-kummenti fuq il-paġna ta’ Freehour wara li l-Erbgħa ġie żvelat li 4 studenti ġew arrestati wara li wissew li hemm sigurtà dgħajfa fl-app ta’ Freehour. Dawn il-kummenti dehru wara li Freehour ippublikat filmat fejn spjegat s-sitwazzjoni iżda fl-ebda ħin ma għamlu apoloġija li d-‘data’ tan-nies kienet f’riskju.

Wara li ħarġet din l-aħbar Freehour tilfet numru sostanzjali ta’ followers fuq il-midja soċjali wara l-aġir tagħhom fil-kontront ta’ dawn l-istudenti. Dan l-istazzjon prova jiehu l-kummenti ta’ din il-kumpanija, iżda bqajna bla reazzjoni.

Minn naħa tagħhom iż-żgħażagħ, Giorgio Grigolo, Michael Debono, Luke Bjorn Scerri u Luke Collins qalu li huma kienu qed iduru s-software tal-application meta sabu l-problema; tant li possibilment setgħu jiġu hacked minn xi professjonisti.

Huma qalu li s-sistema tant kienet waħda dgħajfa li huma rnexxielhom jidħlu fiha qisu xejn mhu xejn u setgħu jaċċessaw kull ‘data’ li riedu. Dawn l-istudenti qed jaffaċċjaw akkużi li jġorru magħhom erba’ snin ħabs u multa li tlaħħaq it-€23,000 taħt il-Kodiċi Kriminali.

Il-Ħamis filgħodu f’post fuq il-midja soċjali l-KSU sostniet li din hija sitwazzjoni ferm inkwetanti li studenti li pruvaw jagħtu l-għajnuna tagħhom spiċċaw arrestati. Il-KSU qalet li tinsab ferm frustrata bil-mod kif il-Pulizija qed tapplika l-liġijiet.

F’kummenti ma’ Net News il-President tal-KSU Alexandra Gaglione qalet li huwa inaċċettabli li dawn l-istudenti sfaw vittmi ta’ liġijiet antikwati.

Minn naħa l-oħra f’post fuq il-midja soċjali Michael Debono qal li issa għaddew 5 xhur minn dan il-każ u l-awtoritajiet għadhom ma lissnux kelma. Huwa qal li għal ħames xhur sħaħ sab diffikulta kbira sabiex jaħdem fuq l-affarijiet tal-Università. Dan għaliex il-kompjuter tiegħu spiċċa f’idejn il-Pulizija.

Barra minn hekk, Michael Debono qal li jinsab ferm imħasseb bil-fatt li Freehour qatt ma żvelaw din is-sigurtà dgħajfa mal-persuni li jsegwuwhom skont ir-regolamenti tal-GDPR. U appella lill-awtoritajiet sabiex jieħdu b’aktar serjeta s-sitwazzjoni ta’ cybersecurity.

Intant, kumpanija tal-IT li fost l-oħrajn tispeċjalizza f’identifikazzjoni ta’ sigurtà dgħajfa ħabbret li impjegat tnejn minn dawn l-istudenti wara li vverifikaw li m’għamlu xejn illegali. Barra minn hekk, din il-kumpanija se tħallas kollox fi spejjeż legali kif ukoll se tipparteċipa f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet.