Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni:
It-Tlieta ingħata bidu għall-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni fejn iċ-Champions Msida bdew b’telfa barra minn darhom kontra t-tim ta’ St. Peters Boċċi Klabb Żabbar bil-punteġġ ta’ 21-18. Kienet partita sabiħa u interesanti sal-aħħar fejn Msida għamlu ħin twil minn fuq iżda St. Peters Boċċi Klabb Żabbar baqgħu jissieltu sal-aħħar biex kisbu rebħa fl-ewwel logħba tal-kampjonat.
St. Peters Boċċi Klabb Żabbar bdew b’Conrad Borg, Karl Calleja u Vince Galea filwaqt li għat-tim ta’ Msida bdew jilagħbu Joseph Tabone Paul Vassallo u Chris Mallia fejn imbagħad ħareg jilaghb Charles Grech minflok Paul Vassallo.
Għaxaq rebħu f’darhom kontra t-tim ta’ Qormi San Bastjan 21-5.
Żurrieq min-naħa tagħhom kisbu rebħa ta’ 21-6 kontra Birkirkara.
Buġibba f’darhom għelbu lil Birżebbuġa 21-9 filwaqt li Birgu rebħu 21-12 kontra Marsamxett.
Żebbuġ ukoll f’darhom rebħu 21-7 kontra Lija biex b’hekk dawk kollha li lagħbu fil-pitch tagħhom kollha rebħu.
Intant ilbieraħ intlagħbet ukoll l-ewwel ġurnata tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni fejn mit-Tieni Diviżjoni Bormla lagħbu barra minn darhom kontra Kalkara u mingħajr wisq tbatija għelbu lin-neo promossi 21-8, bil-Bormliżi jidher li se jkunu sfidanti għall-promozzjoni.
Logħba oħra li setgħet marret kull naħa kienet dik bejn it-tim Thallasalejn u Luqa li baqgħet kumbattuta sal-aħħar bit-tim ta’ San Pawl il-Baħar joħroġ rebbieħ bil-punteġġ ta’ 21-17.
In-neo promossi Fgura tilfu f’darhom 21-17 kontra Floriana f’konfront missielet li seta’ mar kull naħa.
Żejtun rebħu faċilment lil Mosta 21-6 filwaqt li Tarxien kisbu rebħa importanti ta’ 21-12 kontra Cospicua Rangers.
Fl-aħħar nett Żabbar, li l-istaġun li għadda kienu relegati mill-Ewwel Diviżjoni, għelbu lil Santa Lucia 21-13.
Mit-Tielet Diviżjoni ntlagħabu erba’ logħbiet fejn l-aktar logħba interessanti kienet dik bejn Pietà u San Ġwann li ħadet aktar minn sagħtejn u nofs biex fl-aħħar kienu San Ġwann li ħarġu rebbieħa 21-19.
Santa Venera, li kienu relegati mit-Tieni Diviżjoni, għelbu faċilment lil Qormi San Ġorġ 21-6 filwaqt li Qrendi fil-pitch tagħhom ħarġu rebbieħa 21-9 kontra Isla.
Ħamrun fl-ewwel impenn tagħhom rebħu 21-16 f’darhom kontra Marsakala.
