Internazzjonali

Il-Ġappun: Paniku waqt prova ta’ missila mill-Korea komunista

Il-Korea ta’ Fuq komunista pruvat missila oħra f’sitwazzjoni li ħolqot il-konfużjoni fl-ibnadi tal-Ġappun lejn in-nofsinar u fejn ħarġet direttiva għall-evakwazzjoni tar-residenti qabel din spiċċat irtirata xi nofs-siegħa wara. Intant, dawn kienu minuti ta’ ansjetà kbira għar-residenti ta’ Hokkaido fost id-daqq tas-sireni u l-bullettini kontinwi ta’ allert li bdew joħorġu.

L-awtoritajiet Ġappuniżi aktar tard qalu li l-missila ma niżlet imkien lejn dik il-gżira, madankollu, it-tensjoni fir-reġjun għadha akuta minħabba li l-Korea ta’ Fuq diġà pruvat madwar 30 missila mill-bidu tas-sena ‘il hawn.

Skont ir-rapporti, l-aħħar missila suġġetta għall-prova (u li jingħad li kienet għal fuq id-distanzi medji)  vjaġġat għal 1,000 kilometru – bil-Korea t’Isfel tfisser l-azzjoni bħala ‘provokazzjoni serja mir-reġim fi Pyongyang;’.

Il-gwardjani tal-kosta Ġappuniżi qalu, wara, li l-missila niżlet fl-ibħra lejn il-lvant tal-Korea ta’ Fuq  iżda ma konfermawx jekk din għaddietx minn fuq iz-zona ekonomika esklussiva tal-Ġappun.

Fil-ħin tal-kriżi, l-iskejjel f’Hokkaido ma żammewx mal-iskedi tas-soltu waqt li kienu sospiżi numru ta’ servizzi bil-ferrovija. Intant, il-Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin, Yoshimasa Hayashi qal li l-provi tal-missili kontinwi mill-Korea komunista huma ta’ theddida imminenti għas-sigurtà tal-Ġappun.