Lokali

“Il-Ministru Clint Camilleri huwa wkoll responsabbli għal dak li qed iseħħ” – Birdlife Malta

Il-Ministru Clint Camilleri donnu determinat li jiżgura li Malta tibqa’ mfakkra bħala l-kaġun tal-estinzjoni tal-gamiema. 

Kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja ftit tas-sigħat biss qabel il-Qorti tiddeċiedi dwar id-destin tal-kaċċa għall-gamiema.  

Skont il-BirdLife, l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa għas-summien li ilu miftuħ min-nhar it-Tnejn li għadda diġà rriżulta f’numru sinifikanti ta’ gamiem maqtula illegalment …. minkejja li fil-Qorti hemm każ pendenti dwar jekk il-gamiem jistax jiġi kkaċċjat legalment f’pajjiżna.

Skont din l-għaqda, l-aħħar każ tal-kaċċa fuq gamiem iseħħ proprju l-Ħamis filgħodu fejn instabet gamiema mejta f’Dellimara.  

Mark Sultana qal li l-Ministru Clint Camilleri huwa wkoll responsabbli għal dak li qed iseħħ… hekk kif kemm Camilleri kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela mhux qed jagħtu każ il-liġijiet ambjentali ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-President ta’ Birdlife Malta Darryl Grima qal li l-kaċċaturi qegħdin jisfidaw il-liġi…bil-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa mhu qed jieħu ebda azzjoni quddiem dak li qed iseħħ.

Huwa żied jgħid li l-Gvern għandu obbligu li jara li Malta tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha li tħares lil din l-ispeċi.

Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ Birdlife Nicholas Barbara qal li viżilwament l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema huwa diġà miftuħ, bil-kaċċaturi qed joħorġu bi ħġargom biex jikkaċjaw il-gamiem u mhux is-summien. Huwa qal li l-Pulizija ma tistax tlaħħaq biex tikkontrolla xi jkun qed jikkaċċja kull kaċċatur, fejn qed ikun hemm sitwazzjonijiet fejn il-Pulizja qed tkun reattiva għal dak li qed iseħħ.