Il-Ħamis filgħaxija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kompla l-proċess li fih japprova l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir is-sena d-dieħla.
Dan hekk kif approva l-kandidatura ta’ David Agius, li b’hekk jingħaqad mal-MEPs Roberta Metsola u David Casa u ma’ Peter Agius, li kien approvat bħala kandidat aktar kmieni din is-sena.
David Agius ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-2003 u ilu Membru Parlamentari minn dakinhar. Illum hu d-Deputat Speaker u Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika Soċjali, fejn hu responsabbli mill-politika soċjali, il-politika dwar il-familja, is-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet u s-servizzi ta’ solidarjetà. Hu wkoll membru fil-Kumitat Parlamentari dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u anke fil-Kumitat Soċjali.
Bejn l-2017 u l-2022, David Agius serva bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li matul il-leġislaturi ta’ bejn l-2008 u l-2013 u ta’ bejn l-2013 u l-2017 kien il-Whip u s-Segretarju tal-Grupp Parlamentari. Bħalissa hu wkoll Viċi President tal-EUCDW mal-Partit Popolari Ewropew.
F’żogħżitu kien President tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM), membru ta’ sezzjonijiet differenti tal-Membri Żgħażagħ PN u tas-Solidarjetà Ħaddiema PN, kien Direttur Informazzjoni tal-Partit, filwaqt li ilu membru tal-Kumitat Eżekuttiv għal dawn l-aħħar snin u anke serva fil-Kunsill Amministrattiv. Kien elett fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard fl-2001 u dam Kunsillier sakemm ġie elett fil-Parlament fl-2003.
David hu miżżewweġ lil Deborah u għandhom żewġt ibniet.
//= $special ?>