Is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna tinsab taħt pressjoni kbira kawża tan-nuqqas ta’ pjanar u viżjoni fit-tul mill-Gvern ta’ Robert Abela.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem Mater Dei flimkien mad-Deputati Adrian Delia u Stephen Spiteri.
Bernard Grech qal li s-sistema tas-saħħa qed tikkrolla u dan kollu minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista. Nuqqasijiet li qed jidhru fin-nuqqas ta’ mediċini, hekk kif sal-lum il-problema tal-mediċini out of stock għadha qed tippersisti.
Il-Kap tal-PN qal li huwa evidenti li l-Partit Laburista f’dawn l-aħħar għaxar snin kien iffukat biss fuq il-kuntratt li għamel ma’ Vitals u ma rax kif itejjeb is-servizzi tas-saħħa. Bernard Grech saqsa dwar fejn humaq l-investimenti u s-servizzi tas-saħħa li kellhom isiru… fejn kien hemm sitwazzjonijiet ta’ makkinarju li jinxtara u ma jintużax… bil-Gvern Laburista jagħtu l-flus lil Vitals u ma jinvestihomx għall-ġid tal-popli Malti u Għawdxi kollu.
Bernard Grech żied jgħid li dan il-kuntratt li għamel il-Gvern spiċċa seraq is-saħħa tan-nies… u quddiem dan kollu Robert Abela għandu l-obbligu li jwieġeb għal dawn in-nuqqasijiet kollha.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li mill-mument li l-Gvern għamel il-kuntratt ma’ Vitals u Steward, il-poplu Malti beda jinsteraq il-miljuni… total ta’ 400 miljun ewro li ma ġewx investiti biex jitjieb is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna. Dan hekk kif minflok ibbenefika l-popli Malti, ibbenedikaw biss il-korrotti.
Adrian Delia qal li dan kollu wassal biex il-Maltin u -Għawdxin sofrew serq u nuqqas ta’ investiment iżda wkolll kollass fis-settur tas-saħħa. Fakkar kif meta laħaq Prim Ministru, Abela kien wiegħed li se ssir investigazzjoni iżda ma għamel assolutament xejn. U sal-lum il-ġurnata Robert Abela għadu ma ddeċidiex li jiftaħ proċeduri biex il-flus li nsterqu lura.
Id-Deputat Stephen Spiteri fakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li għamel l-Isptar tal-Onkoloġija kif ukoll is-servizz tal-POYC. Sostna li min-naħa l-oħra l-Gvern Laburista falla milli jibni sptar f’Għawdex u sptar għas-saħħa mentali. Dan apparti li l-poplu qed jispiċċa jsofri min-nuqqasijiet tal-Gvern hekk kif pajjiżna tilef 8 snin minn servizz tas-saħħa tajjeb.
Stephen Spiteri qal li l-Gvern m’għandux pjan għal infrastruttura b’saħħitha fejn fl-Isptar Karen Grech s-sodod huma okkupati minn pazjenti long term. Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista ma jridx jara li l-Isptar Mate Dei jkompli jgħereq tant li għandu viżjoni b’saħħitha bi proposti konkreti sabiex is-saħħa f’pajjiżna tkun verament elevata ‘l fuq.
//= $special ?>