Wieħed mill-irġiel akkużati li f’Diċembru li għadda ta daqqa ta’ sikkina lil raġel f’Paceville kien qed jibgħat messaġġi lit-tfajla tiegħu biex tibbukkjalu titjiriet waqt li kienet fil-preżenza tal-uffiċjali tal-pulizija, meta dawn kienu qed jagħmlu tfittxija fl-appartament tagħhom.
Josef Rivas, membru ssuspettat ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata Rumena, miet fl-Isptar Mater Dei wara li kien ingħata daqqiet ta’ sikkina f’Paceville fil-5 ta’ Diċembru 2022, f’dak li hu suspettat li hu qtil ikkummissjonat minn gang kriminali rivali.
Diversi Pulizija xehdu hekk kif il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-allegati assassini ta’ Rivas kompliet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, il-Ħamis. Tliet irġiel Rumeni: Ilie Constantin, Ionut Iulian Tanase, u Dan-Andrei Tanase, sussegwentement ġew akkużati bil-qtil tiegħu.
Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Hekk kif bdiet is-seduta, l-Ispettur tal-Iskwadra tal-Omiċidji Kurt Zahra informa lill-Qorti li kien hemm problema bl-interpreti, u spjega li ħadd mis-sitt interpreti kkuntattjati ma seta’ jattendi għas-seduta.. Interpretu li kien ilu jassisti lid-difiża nħatar biex jassisti, bħala miżura temporanja.
L-ewwel xehed l-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra tal-Omiċidji, li rrakkonta kif, dakinhar, kien ġie infurmat li persuna kienet weġġgħet f’dik li dehret li kienet ġlieda bejn żewġ gruppi f’San Ġiljan. Il-vittma kien miet minħabba l-feriti tiegħu ftit wara li wasal l-isptar.
L-għada tal-qtil, fis-6 ta’ Diċembru, lill-Ispettur Camilleri ngħad li tliet suspettati kienu taw ruħhom b’idejhom fl-għassa ta’ San Ġiljan. Dak il-lejl għall-ħabta tad-9pm, l-Ispettur u erba’ uffiċjali oħra kienu għamlu tfittxija fl-appartamenti “Bay Breeze” fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan li kienet ġiet identifikata minn wieħed mis-suspettati, Ionut Iulian Tanase, li akkumpanja lill-Pulizija waqt it-tfittxija.
“L-ewwel ħaġa li ndunajna kienu diversi qtar ta’ dak li ssuspettajna li kien demm fiż-żona komuni barra l-flat.” Fl-ewwel sular, lill-Pulizija qalulhom li s-suspettati kienu daħlu fl-appartament żgħir eżatt wara l-omiċidju. “Innutajna diversi marki tad-demm kullimkien, għalhekk immedjatament ċempilna lit-tim forensiku.”
Fil-kċina nstab roll ta’ xugaman tal-kċina tal-karta mxarrba bid-demm u ‘hoodie’ mxarrba mxarrba fil-landa taż-żibel, li l-Pulizija ssuspettat li nħasel immedjatament qabel ma twarrab. Tanase qabel kien qal lill-Pulizija li kien rema l-flokk li kien liebes waqt il-qtil.
Tanase spjega li dak iż-żmien l-irġiel kienu joqogħdu fl-appartament mal-ħbieb tagħhom. Wara l-qtil, huwa kien ġera lejn l-appartament, bidel il-flokk u mbagħad, wara li qal kollox lin-nisa, ħarab u qabad taxi għal appartament ieħor.
In-nisa li kienu joqogħdu fl-appartamenti, li Tanase kien qed jirreferi għalihom bħala “girlfriends,” kienu ppakkjaw immedjatament u telqu mill-pajjiż wara li qalulhom x’ġara.. Fil-fatt, meta waslu l-pulizija fl-appartament instab li kien vojt.
Tanase mbagħad mexxa lill-pulizija f’appartament ieħor fi Triq il-Wasliet, is-Swieqi, fejn qal li kien rema’ l-arma li ntużat fil-qtil billi tefagħha f’xaft. Għalkemm il-Pulizija għamlet tfittxija intensa għas-sikkina hemmhekk u fil-maisonette ta’ taħt, din ma nstabitx.
Kontro-eżaminat mill-Ispettur Kurt Zahra, ix-xhud qal li ra ħafna qtar ta’ demm żgħar kemm barra kif ukoll ġewwa l-appartament Bay Breeze. Instabu wkoll traċċi tad-demm fuq switches, fil-kamra tal-banju, fis-salott u fil-kċina. “Innutajna traċċi kważi kullimkien,” qal, u żied li l-filmati minn diversi cameras CCTV li jkopru ż-żona komuni ġew imniżżla aktar tard minn espert maħtur mill-Qorti.
L-Avukat Franco Debono waqt il-kontro-eżami staqsa lill-Ispettur jekk sarux xi investigazzjonijiet dwar il-vittma u l-‘background’ tiegħu. L-Ispettur wieġeb li dan x’aktarx sar iżda li r-rwol tiegħu fl-investigazzjoni ma kienx jinkludi dan il-kompitu.
L-aħħar li xehed kien l-Ispettur Brian Xuereb mill-għassa ta’ San Ġiljan. Qal li dakinhar kien irċieva telefonata mingħand Surġent li wissih b’rapporti ta’ persuna mimduda mal-art barra pastizzerija f’Paceville, bid-demm ħiereġ rilultat minn ħafna qatgħat u feriti.
Fuq il-post ntbagħtet ambulanza li ħadet lill-vittma Mater Dei. “Il-vittma ma kienx qed jirrispondi, iżda kien għadu ħaj meta ttieħed l-isptar., u ma tkellimx.” L-Ispettur kien beda jipprova jiskopri x’ġara u malajr sab li l-vittma kien involut f’argument ma’ tliet irġiel barra snack bar fi Triq Ross. “Qaluli li l-irġiel kienu ilhom bilqiegħda jieħdu t-tè għall-affari tagħhom meta l-persuna l-oħra, il-vittma, avviċinathom.” Imbagħad kienet inqalgħet ġlieda, fejn siġġijiet u sinjali tat-toroq intużaw bħala armi.
Il-ġlieda kompliet sa nofs roundabout fil-qrib, fejn il-vittma waqa’ mal-art. L-irġiel l-oħra komplew jattakkaw lil Rivas waqt li kien fl-art, huwa qal. Wara li l-aggressuri ħarbu, il-vittma kien mar lejn il-pastizzeria u poġġa bilqiegħda. “Dak kienet l-informazzjoni inizjali li konna rċevejna,” qal l-Ispettur Xuereb
Immedjatament inbdiet inkjesta maġisterjali. Fil-pussess tal-vittma nstabet karta tal-identità Rumena, li ġiet identifikata bħala Joseff Rivas, ċittadin Brittaniku. Iktar tard in-nazzjonalità tiegħu ġiet ikkonfermata mill-Ambaxxata Ingliża, qal l-Ispettur.
Aktar tard dakinhar il-Pulizija rċeviet informazzjoni li s-suspettati tal-qtil kellhom appartamenti li kienu qed jużaw għall-prostituzzjoni fi Triq Ross, Paceville. Ftit wara dan kollu, l-Ispettur kien irċieva telefonata li nfurmah li Rivas kien ġie ċċertifikat mejjet. Il-ħin tal-mewt kien il-5:20pm, kompla jgħid ix-xhud. Hekk kif mexxew l-investigazzjonijiet individwu kien beda jagħti informazzjoni lill-Pulizija, waqt li kien qed jinżamm arrestat.
Il-persuna inkwistjoni kienet qed tirċievi komunikazzjonijiet direttament mingħand is-suspettati, spjega l-Ispettur. Dan ippermetta lill-Pulizija jiskopru li l-irġiel kienu qed jippjanaw li jitilqu minn Malta. L-investigaturi taw lill-informatur biex tikkoopera u tixtrilhom il-biljetti, bl-intenzjoni li jarrestaw is-suspettati fl-ajruport.
Sadanittant, it-tliet suspettati taw ruħhom b’idejhom fl-għassa ta’ San Ġiljan u stqarrew li qatlu lil Rivas, filwaqt li indikaw lill-uffiċjali hemmhekk li dan kien sar bħala ‘self defence’.
L-informatur kienet iddeskriviet lilha nnifisha bħala l-eks ħabiba ta’ wieħed mill-irġiel u wriet lill-pulizija l-profil tagħhom fuq Facebook. Hija kienet qed tgħid lill-Pulizija li kienu qed jikkuntattjawha biex jippruvaw jibbukkjaw it-titjiriet.
Il-każ ġie differit għat-18 ta; Mejju fl-10am. għas-sottomissjonijiet dwar talba għal pleġġ li tressqet mill-akkużati aktar kmieni waqt rikors li daħal qabel bdiet il-kumpilazzjoni.. L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Charmaine Cherret u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-irġiel akkużati. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri.
//= $special ?>