Lokali

Iweġġa’ wara li waqa’ bil-mutur f’Ħal Luqa

Raġel ta’ 48 sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident bil-mutur tiegħu f’Ħal Luqa.

Il-Pulizija fi stqarrija qalet li l-inċident seħħ ilbieraħ fis-6pm fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa. Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu bil-konsegwenza li waqa’ minn fuqu.

Ir-raġel, li huwa residenti Ħaż-Żabbar, ingħata l-ewwel għajnuna u ttieħed l-isptar.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.