Lokali

“Ix-xemgħat intfew, ir-ritratt tneħħa imma jien se nibqa’ nixgħel it-tama biex issir ġustizzja”

Jitneħħa r-ritratt ta' Jean Paul Sofia li tpoġġa quddiem Kastilja

Matul il-lejl li għadda tneħħa r-ritratt ta’ Jean Paul Sofia u x-xemgħat li tpoġġew quddiem Kastilja minn Isabelle Bonnici u qraba ta’ Jean Paul.

F’post fuq il-media soċjali, omm Jean Paul kitbet li dak li seħħ matul il-lejl mhux se jaqtgħalha qalbha biex twassal il-messaġġ tagħha. Sostniet li se tibqa’ tinsisti sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha biex issir inkjesta pubblika, u biex il-familja ta’ kull min jitlef ħajtu fuq il-post tax-xogħol, ma jkollhomx għalfejn jgħaddu minn dulur żejjed. Isabelle kitbet li ma tridx li binha jkun miet għalxejn.

“Id-dawl tax-xemgħat intfew, ir-ritratt tneħħa imma jien se nibqa’ nixgħel it-tama għal iktar sigurtà fuq il-post tax-xogħol u biex issir ġustizzja. Il-ħajja prezzjuża wisq biex tintemm qisu xejn m’hu xejn f’dan il-pajjiż. Nitlobkom biex nibqgħu magħqudin bħala poplu f’kulur wieħed. Il-kulur tal-imħabba. Għal Jean Paul.”

Ilbieraħ filgħaxija omm Jean Paul Sofia poġġet ritratt ta’ binha quddiem Kastilja sabiex tkompli tgħaddi messaġġ favur li tinfetaħ inkjesta pubblika u tkun stabbilit min kien respobsabbli għal din it-traġedja.

Jean Paul Sofia tilef ħajtu traġikament fit-3 ta’ Diċembru li għadda f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin. Isabelle Bonnici, flimkien mal-familja ta’ Jean Paul, trid li sseħħ ġustizzja biex tkun taf verament x’wassal għat-telfa ta’ binha. Iżda mhux biss. Permezz ta’ inkjesta pubblika, isiru wkoll rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati jew introdotti liġijiet ġodda sabiex ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejja minnu bħalissa Isabelle.

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li m’għandhiex issir inkjesta pubblika… minkejja numru kbir ta’ appelli li qed isirullu fosthom mill-familja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Intant fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb li minflok jipproteġi lill-ħbieb ta’ Kastilja, pajjiżna jrid jipproteġi lil uliedu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kif tista’ tibqa’ twebbes rasek u kif tista’ saħansitra tneħħi ritratt ta’ vittma mqiegħed quddiem Kastilja minn ommu stess, li kull ma trid hu li toħroġ il-verità kollha dwar il-mewt ta’ binha.

Tenna li rridu l-verità kollha u għalhekk se nibqgħu nsostnu bis-saħħa kollha s-sejħa ta’ omm Jean Paul Sofia għal Inkjesta Pubblika.