Internazzjonali

L-Istati Uniti: Evakwazzjonijiet fost sħaba ta’ dħaħen tossiċi

Ir-residenti fl-Istat ta’ Indiana qed jinkwetaw dwar l-effetti tas-saħħa għat-tul taż-żmien u li huma dovuti għal nirien kbar f’impjant għar-riċiklaġġ tal-oġġetti tal-plastik li ilhom jaqbdu minn kmieni fil-ġimgħa.

Is-sitwazzjoni ġiegħelet lill-awtoritajiet lokali jordnaw l-evakwazzjoni ta’ aktar minn 2,000 resident, bis-Sindku ta’ Richmond, Dave Snow itenni li l-inċident fl-impjant wassal għall-‘agħar xenarju immaġinabbli’ li mistenni jħalli impatt inkwetanti ferm għall-kwalità tal-arja f’dik il-belt.

Dan meta d-dħaħen tossiċi furmaw sħaba kbira fuq il-belt, bl-awtoritajiet qed jistennew li n-nirien fl-impjant jibqgħu ‘qawwija’ għal diversi jiem oħra.

Intant, kellha sseħħ l-ewwel fażi ta’ evakwazzjoni għar-residenti li jgħixu qalb iz-zoni viċin ħafna tal-impjant, bl-awtoritajiet qed janalizzaw is-sitwazzjoni tal-kimika li qed tintelaq fl-ajru mill-oġġetti tal-plastik li qegħdin jaqbdu kontinwament.