Futbol Sport

Mbappé f’attività biex jippromwovi l-isport lil tfal żvantaġġjati

Ġest sabiħ u mhux tas-soltu mill-istilla Franċiża tal-futbol, Kylian Mbappé hekk kif l-Erbgħa, f’Stade de France, f’Pariġi, hu kien preżenti u pparteċipa f’attivitá mill-isbaħ organiżżata mill-NGO Franċiża, Premiers de Cordée bl-għan aħħari li jippromwovi l-isport lil tfal li ġejjin minn ambjenti żvantaġġat.

Mbappé hu ambaxxatur għal din l-organizzazzjoni, u għal din l-attivitá l-plejer ta’ PSG, flimkien ma’ ħuħ ta’ 16-il sena, Ethan ħadu pjaċir iqattgħu ftit tal-ħin jilagħbu l-ballun ma’ dawn it-tfal, filwaqt li ferħu mal-folol ta’ partitarji li attendew għal din l-okkazzjoni.

F’kummenti li Mbappe ta lil media wara li integra ma’ dawn it-tfal hu qal li l-missjoni tiegħu hi li jurihom li hu persuna bħal kulħadd, u li aħna min aħna, nistgħu nkunu flimkien, bħal fil-każ ta’ din l-attivitá u nilgħabu flimkien.

Mbappe żied jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, dawn it-tfal huma l-eroj reali għaliex kuljum jiġġieldu battalji reali u iebsin. “Aħna m’għandniex battalji bħal tagħhom,” tenna l-istilla u captain ta’ Franza, Kylian Mbappe.