Internazzjonali

Mid-dokumenti klassifikati: Żvelat li s-Segretarju Ġenerali tan-NU ‘kien lest jaċċetta’ il-kundizzjonijiet tar-Russja

L-Istati Uniti temmen li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, hu wisq ‘ħerqan’ biex jieħu ħsieb u jaqdi l-interessi tar-Russja.

Dan ħareġ minn sensiela ta’ dokumenti klassifikati żvelati online u li jissuġġerixxu li l-Istati Uniti kienet qed issegwi mill-qrib ħafna lill-istess Guterres.

Fil-fatt, diversi dokumenti jiddettaljaw il-komunikati privati li jinvolvu lil Guterres u l-Viċi tiegħu, Amina Mohammed.

Sadanittant, l-Istati Uniti qed tirrifjuta allegazzjonijiet dwar spjunaġġ sfaċċat hi u tipprova ssib is-sors wara l-leak tad-dokumenti meqjusa bħala embarazzanti għall-Gvern Amerikan.

Id-dokumenti jinkludu osservazzjonijiet skjetti ta’ Guterres dwar xi sitwazzjonijiet madwar id-dinja u speċjalment il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna.

Wieħed mid-dokumenti żvelati jikkonċentra fuq il-ftehim għat-trasport tal-qmuħ mill-Baħar l-Iswed li kien sar possibbli bil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti u t-Turkija – dejjem bil-ħsieb li jevitaw kriżi tal-ikel globali.

Intant, id-dokument jissuġġerixxi li Guterres tant kien ansjuż li jippreserva l-ftehim li kien lest jaċċetta kull kundizzjoni tar-Russja. Parti mid-dokument jaqra li ‘Guterres enfasizza l-isforzi biex ir-Russja tkun f’pożizzjoni aħjar biex tesporta l-qmuħ anki jekk il-ftehim kellu jakkomoda lill-individwi u entitajiet Russi li spiċċaw suġġetti għas-sanzjonijiet tal-komunità internazzjonali’.

L-evalwazzjoni tal-Istati Uniti, dejjem skont id-dokument, kienet li l-aġir ta’ Guterres, fi Frar, spiċċa jtellef l-isforzi ġenerali biex ir-Russja tinżamm kontabbli għall-azzjonijiet qattiela fl-Ukrajna.

Sadanittant, uffiċjali tan-NU enfasizzaw li Guterres dejjem iċċara l-oppożizzjoni  tiegħu għall-gwerra li qed tmexxi r-Russja fl-artijiet Ukreni. Huma  ċaħdu li Guterres kien ‘lest li jispiċċa manipulat minn Moska’ waqt li tennew li s-Segretarju Ġenerali tan-NU kien determinat li jagħmel minn kollox biex itaffi l-impatt tal-gwerra għall-foqra tad-dinja’.