Futbol Sport

Rebħa minima għal Juventus…Man Utd miżmuma

(Ritratt: EPA)

Juventus kisbu rebħa minima iżda importanti ta’ 1-0 kontra Sporting. Bit-tim Portugiż jiddomina il-partita, Juventus skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fil-75 minuta permezz tad-difensur Federico Gatti.

Manchester United kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Sevilla. Kienu żewġ gowls tal-midfielder Awstrijak Marcel Sabitzer fl-14 u fil-21 minuta li taw vantaġġ komdu lil Manchester United. Lejn it-tmiem iżda, propju fl-84 Sevilla naqsu l-iskor permezz ta’ Jesus Navas biex fil-ħin mogħti żejjed kien awto-gowl ta’ Harry Maguire li ġab l-iskor indaqs.

Roma kienu megħluba bl-iskor ta’ 1-0 minn Feyenoord. Kienu Roma li kellhom ċans imorru fil-vantaġġ fit-43 minuta, iżda Lorenzo Pellegrini ra l-penalty tiegħu jaħbat mal-wieqfa. Il-gow li ddeċieda din il-partita wasal fit-53 minuta permezz ta’ Mats Wieffer.

Intant it-tim li miegħu jilgħab il-player Malti Teddy Teuma, Union St. Gilloise temm fi draw ta’ 1-1 kontra Bayer Leverkusen. Kien it-tim Belġjan li mar fil-vantaġġ fil-51 minuta permezz ta’ Victor Boniface li kkonkluda wara li rċieva mingħand Teddy Teuma. Bayer Leverkusen ġabu l-iskor indaqs fit-82 minuta permezz ta’ Florian Wirtz.

Mill-UEFA Conference League, Gent żammew lil West Ham United fi draw ta’ 1-1. West Ham fil-vantaġġ ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Danny Ings. Gent ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta permezz ta’ Hugo Cuypers.

Mill-istess kompetizzjoni, rebħa kbira u komda għal Fiorentina li barra minn darhom għelbu lil Lech Poznan 4-1. Għall-Viola skorjaw Arthur Cabra, Nicolas Gonzalez, Giacomo Bonaventurs u Jonathan Ikone. Għal Lech Poznan skorja Kristoffer Velde.

UEFA EUROPA LEAGUE
Feyenoord v Roma 1-0
B.L’kusen v Union SG 1-1
Juventus v Sporting 1-0
Man Utd v Sevilla 2-2
UEFA CONFERENCE LEAGUE
Gent v West Ham 1-1
Anderlecht v AZ 2-0
Basel v Nice 2-2
L. Poznan v Fiorentina 1-4