Lokali

Robert Abela jċedi għall-pressjoni tal-klikka ta’ Joseph Muscat

Għaddew sitt xhur u Robert Abela spiċċa kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu mill-klikka tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat… pressjoni sabiex l-eks president tal-Partit Laburista Manuel Cuschieri jerġa’ jibda jippreżenta programm fuq l-istazzjon tar-radju Laburista… dan hekk kif wara snin twal iwassal programm politiku, f’Settembru li għadda għalqulu ħalqu u waqfulu l-programm.

F’Settembru, Cuschieri kien għamilha ċara li kien mistenni jikxef il-persuna li keċċitu minn One Radio. Dak iż-żmien huwa kien stqarr li One Radio huwa parti mill-passat… hekk kif wara dawn is-snin kollha jwassal dan il-programm politiku, għalqulu ħalqu.

Cuschieri qal ukoll li din ma kinitx deċiżjoni tiegħu u li kieku għalih, baqa’ jwassal dan il-programm politiku lis-semmiegħa ta’ One Radio. F’messaġġ li kien wassal fuq facebook xhur ilu, il-preżentatur veteran Manuel Cuchieri qal li ċerti persuni fi ħdan il-Partit Laburista qed iħallu l-poter jitlgħalhom għal rashom.

Din id-deċiżjoni li kienet ittieħdet f’Settembru li għadda komliet toħroġ iktar fid-deher il-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista bejn dawk li jappoġġjaw lill-Prim Ministru Robert Abela u dawn li baqgħu jappoġġjaw lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – ewlenin fosthom, Manuel Cuschieri.

Hekk kif issa… iktar minn sitt xhur wara, Robert Abela kellu jbaxxi rasu u jċedi għall-pressjoni li sartilu u jerġa’ jaċċetta lura lil Manul Cuschieri.