Lokali

Robert Abela jibqa’ jattakka l-Inkjesta Maġisterjali u l-ġudikatura

Il-Prim Ministru reġa’ fetaħ attakk fuq l-inkjesta li qed issir mill-Maġistrat Marsanne Farrugia rigward it-traġedja ta’ Diċembru li għadda f’Kordin, illi fiha tilef ħajtu Jean Paul Sofia. U għal darb’oħra, minflok wieġeb għall-appell li qed tagħmel omm dan iż-żagħżugħ, għażel li jattakka lill-ġudikatura.

F’ittra lill-Prim Imħallef, Robert Abela qal li l-inkjesta tal-Maġistrat qed iddum b’mod “inaċċettabbli”. Dan filwaqt li għamel pressjoni sabiex l-inkjesta tal-Qorti tingħalaq.

Minkejja dan, il-Prim Ministru imkien ma’ għamel referenza għall-fatt illi hu għadu qed jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika – xi ħaġa li hi kompletament differenti mill-inkjesta tal-Maġistrat.