L-organizzaturi tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Belt Valletta jappellaw lill-awtoritajiet biex jassiguraw li mhux se jkun hemm ripetizzjoni tat-tfixkil sfaċċat li seħħ waqt il-purċissjonijiet tal-ġimgħa li għaddiet fejn matulhom stabbilimenti varji poġġew imwejjed tul Triq il-Merkanti u daqqew mużika qawwija għalkemm dan hu kontra l-liġi.
Kelliem għall-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss Mirakoluż u l-kunvent Franġiskan, li jmexxi l-knisja Ta’ Ġiezu, qal:
“Il-parteċipanti ġew imfixxkla mhux biss mis-sidien u l-klijenti fl-istabilimenti, iżda kien hemm ukoll mużika li kienet qed tindaqq barra l-knejjes hekk kif in-nies kienu qed jitolbu u bdejna niġu redikolata. Raġel minnhom saħansitra tella’ idu lejn wiċċ mara wara li talbitu jersaq biex il-purċissjoni tkun tista’ tgħaddi mit-triq iffullata.
“Ma nistgħux ma nikkundannawx in-nuqqas sfaċċat ta’ permessi legali li suppost kellhom jiżguraw li l-avvenimenti organizzati setgħu jseħħu f’atmosfera kalma u xierqa. Nixtiequ wkoll nistaqsu lill-awtoritajiet għaliex ma kinux preżenti biex iżommu l-ordni kif jiġri f’ manifestazzjonijiet pubbliċi oħra.”
L-organizzaturi bagħtu e-mail kemm lill-pulizija kif ukoll lill-Awtorità tal-Artijiet li huma responsabbli mill-ħruġ tal-permessi, wara li seħħ l-ewwel ksur tar-regolamenti filgħaxija ta’ Jum id-Duluri fil-31 ta’ Marzu 2023.
Il-pulizija wieġbu fit-2 ta’ April, fejn ikkupjaw lill-Awtorità tal-Artijiet fil-korrispondenza, u kkonfermaw li kien fil-fatt seħħ ksur tal-liġi u li l-ebda uffiċjal mill-Awtorità ma kien fuq il-post.
Madankollu, minkejja l-appelli tal-pulizija sabiex l-Awtorità tal-Artijiet tagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni, reġa kien hemm ksur tar-regolamenti nhar is-6 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, jum li fih l-fidili tradizzjonalment jagħmlu żjarat f’seba’ knejjes u juru d- devozzjoni tagħhom lejn kurċifiss tas-seklu 17 li jinsab fil-knisja Ta’ Ġiezu, kif ukoll nhar is- 7 ta’ April fil-Ġimgħa l-Kbira, meta għal darb’oħra ma kien hemm l-ebda uffiċjali tal-infurzar tal-ligi.
Il-kelliem qal: “Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa huma tradizzjoni kulturali antika f’Malta, u jattiraw numru kbir ta’ fidili u viżitaturi. L-awtoritajiet, li qed jaħdmu bis-sħiħ biex jippromovu t-turiżmu reliġjuż f’pajjiżna, lesti jbigħu dan il-wirt prezzjuż tagħna għal ftit biċċiet tal-fidda?
“Aħna m’aħniex kontra n-negozju. Aħna ngħixu f’ dan l-istorbju tal-kummerċ ta’ kuljum. Qegħdin sempliċiment nappellaw biex jirrenja s-sens komun matul tliet filgħaxijiet fis-sena; tliet filgħaxijiet li għandhom post speċjali fil-qlub ta’ ħafna Maltin.”
//= $special ?>