Fit-tielet ġurnata tal-Billie Jean King Cup, li qed issir f’Lisbona l-Portugall, il-Maltin affaċċjaw lil Greċja, il-pajjiż seed numru wieħed tat-tournament u li għadu mhux megħlub.
Elaine Genovese fetħet l-impenji ta’ Malta kontra Valentini Grammatikopolou (WTA 198), b’din tal-aħħar tikseb rebħa komda ta’ 6-1, 6-2.
Wara dan il-konfront kien immiss lil Francesca Curmi li tisfida lil Despoina Papamichail (WTA 152).
L-ewwel set kien wieħed missielet għall-aħħar bil-Griega tirbaħ 6-4.
Curmi rrispondiet bl-aqwa mod possibli u wara li kienet 2-6 minn taħt irnexxielha ddawwar il-logħba u tirbaħ 8-6 u rnexxielha wkoll tikseb sitt match points.
Kif kien mistenni l-aħħar set kien se jkun wieħed missielet u diffiċli għall-Maltija, iżda wara li tat l-enerġija kollha tagħha, Curmi rnexxielha tirbaħ anke dan is-set 6-4 għal skor finali ta’ 4-6, 8-6(6), 6-4.
Il-captain Steve Caruana ddeċieda li jserraħ lil Francesca għall-logħba tad-doubles u minfloka ma’ Elaine Geneovese lagħab lil Helene Pellicano.
L-avversarji tal-koppja Maltija kienu żewġ plejers ta’ esperjenza, Despina Papamichail u Valentini Grammatikopolou. Il-Griegi ddominaw il-partita u rebħu ż-żewġ sets bi skor identiku ta’ 6-2.


Illum Malta tiltaqa’ kontra l-Iżrael.