Ir-raba’ avversarju tal-Maltin fil-Billie Jean King Cup il-Ħamis wara nofsinhar kien l-Iżrael, bl-ewwel ma’ tkun impenjata kienet Elaine Genovese kontra n-numru 2 tal-Iżrael Shavit Kimchi.
Iż-żewġ plejers fil-bidu bdew jagħmlu bosta żbalji madankollu Genovese bdiet tikber fil-logħob tagħha u spiċċat biex rebħet l-ewwel set 7-5 biex fit-tieni set kellha prestazzjoni mill-aqwa tant li ħarġet rebbieħa 6-2 u għalhekk kisbet l-ewwel rebħa għal Malta f’din il-logħba tal-lum.
Kien imiss lil Francesca Curmi kontra Lina Glushko. Curmi mill-ewwel dehret li qed tbati fiżikament hekk kif b’kollox fi tliet ijiem għamlet 15-il siegħa fil-court. Wara li tilfet l-ewwel set 1-6 Curmi ddeċidiet li tirtira mil-logħba biex tistrieħ għal-logħba tad-Doubles.
Genovese u Curmi lagħbu kontra l-istess avversarji, Lina Glushko u Shavit Kimchi bl-Izraeliti jirbħu l-ewwel set 6-1 filwaqt li t-tieni set, minkejja li l-Maltin lagħbu ħafna aħjar intrebaħ ukoll mill-avversarji 6-2.
Il-Ġimgħa filgħaxija jkunu magħrufa l-avversarji ta’ Malta għall-play-off ta’ min jibqa’ fil-kompetizzjoni.
