Lokali

Glenn Bedingfield ma ħallasx it-taxxi ta’ diversi snin

Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni jiftaħ proċeduri fil-Qorti u jwissih biex iħallas is-somma dovuta fi żmien ħmistax-il jum.

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield li spiss ħafna jitkellem dwar il-korrettezza u r-rettezza politika u li I-politici jeħtieġ li jkunu ta’ eżempju pożittiv, jirriżulta li naqas milli jħallas it-taxxi ta’ diversi snin stima.

Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna li jirriżulta li d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield ma ħallasx fil-ħin stipulat it-taxi stima għas-snin 2011, 2012, 2015, 2017 u 2018.

B’kollox l-ammont dovut lill-Kummissarju għat-Taxxi Interni huwa ta’ €5,627 f’taxxa u €1,618 f’interessi addizzjonali.

Jirriżulta li l-Kummissarju tat-Taxxi Interni ressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati nhar it-30 ta’ Jannar li għadda fejn għamel ukoll Avviż ta’ Talba għall-Ħlas sena b’sena mill-2011 ‘il quddiem.

Skont din it-tabella l-ammont totali dovut mid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield huwa ta’, €7,245 inkluz it-taxxa addizzjonali u interessi skont il-Liġi.

“Għalhekk int qed tiġi interpellat biex tħallas dan l-ammont fi żmien ħmistax-il jum mid-data tan-notifika ta’ dan l-Avviż li qed jintbagħatlek skont l-Artikolu 44 (2A) (Ċ) tal-Att dwar l-Amminmistrazzjoni tat-taxxa (Kap. 372).”

FI-Avvizż ta’ Talba għall-Ħlas, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni wissa’ lid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield li: “Infakkrek li huwa fl-interess tiegħek li tħallas dan I-ammont minnufih biex tevita li teħel interessi, taxxa addizzjonali u spejjeż legali ulterjuri. Jekk ma tistax tħallas dan l-ammont f’daqqa, l-Uffiċċju tal-Kummissrju tat-Taxxi joffrilek il-possibbiltà li tagħmel ftehim dwar ħlas bin-nifs.

“Jekk tibqa’ ma tħallasx jew ma tikkuntestax f’Qorti tal-Ġustizzja I-ammont dovut sad-data indikata, se tinħareġ Ittra Uffiċjali kontra tiegħek skont il-Liġi,” temm il-Kummissarju tat-Taxxi Interni.