Lokali

Il-Festa tal-Festi – Briju fil-Palazz Verdala

Spettaklu, ilwien, mużika u għaqda.

Dan kollu fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ dan ix-xahar hekk kif bejn it-28 u 30 t’April fil-Palazz Verdala se tkun qed tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ “Il-Festa tal-Festi” b’risq il-Malta Community Chest Fund.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-President ta’ Malta George Vella spjega li il-festa hija mument li tgħaqqad lill-poplu, l-irħula u l-ibliet. Dan filwaqt li insista li għandna nibqgħu ngħożżu l-kultura u tradizzjonijiet Maltin filwaqt li naprezzawhom aktar.

Id-direttur artistiku ta’ din l-attività, Daniel Cauchi spjega li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitqassmu mal-40,000 ktejjeb fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex b’logħob u informazzjoni dwar il-festi Maltin…inkluż ukoll kalendarju ta’ festi għal din is-sena.

Huwa spjega li dawn il-jiem ta’ festeġjamenti fil-Verdala se jkunu mżewqa bi spettakli differenti inkluż masterclasses u kunċerti. Cauchi saħaq li kollox jingħata bidu fl-għodwa tal-Ġimgħa 28 ta’ April filwaqt li dakinhar filgħaxija se tkun qed tiġi organizzata ikla tradizzjonali akkumpanjata wkoll bi spettaklu grazzi għal kantanti u atturi lokali.

Is-Sibt filgħaxija l-grupp mużikali The Travellers se jkun qed jagħti wirja mill-isbaħ u l-Ħadd filgħodu se tkun qed tiġi ċċelebrata quddiesa segwita minn marċ tradizzjonali ta’ filgħodu grazzi għal diversi għaqdiet tal-festa madwar Malta u Għawdex.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Kelliema għall-Partit Nazzjonalista Julie Zahra u Justin Schembri illi minn naha taghhom insistew dwar l-importanza li tali tradizzjonijiet, partikolarment il-festa tal-irħula u l-ibliet ikunu salvagwardati.