Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Allarm dwar il-potenzjal ta’ diżastru nukleari bħal ta’ Chernobyl

Il-Kap tal-International Atomic Energy Agency (IAEA) wissa li hi biss kwistjoni ta’ żmien sakemm l-Ukrajna ġġarrab diżastru ieħor nukleari li kapaċi jissupera t-traġedja li seħħet fl-impjant ta’ Chernobyl f’nofs is-snin tmenin.

Id-diżastru storiku ta’ Chernobyl seħħ fis-26 ta’ April tal-1986 waqt inċident fir-reattur numru 4 tal-impjant viċin il-belt ta’ Pripyat u fi żmien meta l-Ukrajna kienet għadha tifforma parti mill-eks Unjoni Sovjetika komunista.

L-inċident ta’ Chernobyl – li rriżulta f’numru sinifikanti ta’ imwiet , tul is-snin, b’kaġun tal-firxa tar-radjazzjoni – għadu magħruf sallum bħala l-agħar diżastru nukleari minn aspett ċivili li qatt rat id-dinja.

Min-naħa tiegħu, Rafael Grossi, bħala d-Direttur Ġenerali tal-IAEA, fl-aħħar sigħat esprima l-allarm tiegħu wara li mine tar-Russi sploda qrib ħafna ta’ reattur nukleari fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia li ilha parti minn zona ta’ gwerra għal xhur konsekuttivi.

Intant, Grossi u esperti oħra fil-qasam nukleari qed jgħidu li splużjoni nukleari f’dik iz-zona għandha titqies bħala ‘inevitabbli’ dment li l-qawwiet tar-Russja jkomplu jokkupaw il-faċilità filwaqt li jkomplu juru ‘traskuraġni assoluta’ huma u jmexxu l-offensivi f’dik il-parti tal-Ukrajna.

Fil-fatt, l-isplużjoni kellha ssir metri biss mir-reattur nukleari li għadu qed jitħaddem mill-Ukreni li qegħdin jjieħu l-ordnijiet diretti mingħand il-militar Russu li qed jokkupa l-inħawi.