Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Tinsisti bil-provi tal-missili biex ‘tqanqal biża’ fost l-avversarji’

Ir-reġim komunista fil-Korea ta’ Fuq qal li ‘irnexxiet bil-kbir’ il-prova ta’ missila ballistika ġdida fuq mudell interkontinentali u li ssemmiet ukoll bħala ‘l-aktar missila qawwija qatt ippruvata minn dan il-pajjiż.

Il-missila inkwistjoni tibbaża fuq  is-solid-fuel waqt li diffiċli biex tkun interċettata mis-sistemi tad-difiża – anki jekk l-analisti militari jaqblu li din għandha wkoll ‘numru ta’ difetti’. Sadanittant, din hi l-ewwel darba li l-Korea ta’ Fuq ippruvat missila ballistika interkontinentali li tibbaża fuq is-solid-fuel  wara snin ta’ provi fuq għal distanzi iqsar.

L-isparatura tal-missila – tat-tip ICBM  — seħħet fil-jum tal-Ħamis u wasslet għall-evakwazzjoni tar-residenti minn diversi komunitajiet tal-Ġappun qabel l-awtoritajiet lokali rtiraw l-istat tal-allert.

Filwaqt li l-provi tal-missili mill-Korea ta’ Fuq laħqu livell allarmanti, il-Korea t’Isfel hi konvinta li l-komunisti iridu ż-żmien sakemm ikollhom missila interkontinentali li tolqot ir-reġjuni kollha li jaqgħu taħt il-mira ta’Pyongyang.

Min-naħa teigħu, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, esprima ferħ għall-aħħar prova tal-ICBM u qal li dawn il-provi qegħdin iqanqlu biża u ansjetà kbira fost l-avversarji ta’ pajjiżu.

Fl-istess ħin – u minkejja x-xettiċiżmu tal-Korea t’Isfel – l-esperti jemmnu li l-aħħar prova tal-ICBM x’aktarx li tindika żieda fil-kapaċitajiet militari ta’ Pyongyang bil-ħsieb li, ‘il quddiem, jinkorporaw anki ‘l-aspett nukleari’.