Nhar il-Ġimgħa ġie imfakkar it-30 anniversarju minn meta Gvern Nazzjonalista fit-23 ta’ Jannar 1993 waqqaf l-Università tat-Tielet Età. Din l-attività ġiet organizzata mill-Universita’ ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Università tat-Tielet Età u għaliha attendew l-membri li jattendu l-Università flimkien mal-Prof. Marvin Formosa li huwa d-Delegat tar-Rettur tal-Università ta’ Malta. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Kelliema tal-Oppozizzjoni għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici.

Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar il-viżjoni fit-tul li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta għaraf li t-tagħlim u l-għarfien huwa l-aqwa għodda għal kull suċċess tal-bniedem u kif il-ħolqien tal-Università tat-Tielet Età 30 sena ilu kienet waħda mill-aktar strateġiji ta’ suċċess li kellu pajjiżna f’dak li jirrigwarda l-anzjanità attiva.
Mifsud Bonnici semmiet kif 30 sena ilu kien hawn min kien xettiku dwar dan il-proġett fit-tul iżda sa mill-bidu nett Gvern Nazzjonalista kien għaraf li permezz tal-Università tat-Tielet Età, kienet ser tkun qed tiżdied l-integrazzjoni soċjali, l-anzjani setgħu jibqgħu attivi u kienu ser jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar produttiva u dinamika. Illum kulħadd jirrikonoxxi li l-Università tat-Tielet Età kienet suċċess u tista’ verament tissejjaħ ċentru soċjo-kulturali fejn anzjani jiksbu għarfien ġdid ta’ suġġetti interessanti u sinifikanti u hija mezz ta’ kif l-anzjani jivvalidaw
l-għarfien li diġa’ għandhom f’ambjent aktar aċċettabbli u b’metodi aktar faċli, bil-għan li jipparteċipaw aktar fil-ħajja tal-komunità.
Mifsud Bonnici faħħret id-diversi inizjattivi li saru matul is-snin taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Saħħqet kif irid isir ħafna aktar xogħol sabiex anzjani li għandhom diversi diffikultajiet, fosthom diffikultajiet soċjali, fiżiċi u diffikultajiet ta’ aċċessibbilità, anzjani li jbatu s-solitudini u li ukoll qed jiġu abbużati jingħataw l-għodda neċessarja biex verament ikunu parti mill-komunità u li s-soċjetà tagħna tkun verament soċjetà inklussiva u għal kull età.
//= $special ?>