Futbol Sport

Jispikka l-konfront dirett bejn Balzan u Gżira filwaqt li t-tlieta ta’ taħt kollha għandhom logħob diffiċli

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Ilum jingħata bidu għall-25 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, u għalhekk il-logħba ta’ qabel tal-aħħar. Il-ħarsa tad-dilettanti tal-futbol Malti tibqa’ fuq il-ġlieda għall-kwalifikazzjoni Ewropea kif ukoll dik tar-relegazzjoni, bil-partita tal-ġimgħa tkun dik ta’ għada s-Sibt bejn Balzan u Gżira United li tintlagħab fil-17:15 fl-Istadium Nazzjonali.

Marsaxlokk vs Floriana | Illum, fis-18:00 fis-Centenary Stadium

Il-konfront bejn Marsaxlokk u Floriana huwa wieħed minn żewġ konfronti li m’għandu l-ebda interess għal fini ta-klassifika. Marsaxlokk tilfu l-aħħar żewġ konfronti tagħhom kontra Pietà u Sirens rispettivament u jinsabu fil-11-il post tal-klassifika b’24 punt. Min-naħa l-oħra Floriana kisbu rebħa u draw kontra Santa Lucia u Gudja rispettivament. Floriana se jkunu mingħajr il-goalkeeper Duncan Formosa li fl-aħħar logħba tkeċċa mas-siegħa logħob. Fl-ewwel round dan il-konfront spiċċa fi draw ta’ 1-1.

Birkirkara vs Pietà Hotspurs | Illum, fis-19:00 fl-Istadium Nazzjonali

Birkirkara bla dubju huma l-favoriti li jiksbu tliet punti kontra Pietà li min-naħa tagħhom jonqoshom ftit tama li jiksbu t-tnax-il post. B’rebħa Birkirkara jikkonfermaw posthom f’kompetizzjoni Ewropea wara li naqqsu milli jagħmlu dan l-istaġun li għadda. Huma ġejjin minn żewġ rebħiet importanti kontra Hibernians u Gżira rispettivament. Pietà fl-aħħar konfront, wara żewġ rebħiet infila, sofrew telfa ta’ 4-1 kontra Hibernians u issa jittamaw li f’din il-25 ġurnata, Żebbuġ u Santa Lucia it-tnejn jitilfu biex imbagħad l-aħħar logħba tkun deċiżiva. Fl-aħħar logħba Pietà għandhom l-inqas avversarju iebes mit-tlieta ta’ taħt hekk kif huma jaffaċjaw lil Sirens. Fl-ewwel round Birkirkara rebħu faċilment bl-iskor ta’ 5-1.

Gudja United vs Valletta | Illum, fit-20:30 fis-Centenary Stadium

Bħal konfront bejn Marsaxlokk u Floriana, id-dwell bejn Gudja United u Valletta m’għandu l-ebda sinifikat, b’Gudja li jinsabu fl-għaxar post b’29 post filwaqt li Valletta jinsabu fit-tmien post bi 33. Gudja se jkunu mmexxija mill-Assistant Coach Ludvic Bartolo wara li Andrea Agostinelli rriżenja nhar it-Tnejn biex isisr kowċ ta’ Benevento fis-Serie B fl-Italja. Wara serje ta’ riżultati pożittivi, it-tim immexxi minn Thane Micallef fl-aħħar ħarġa sofra telfa ta’ 1-0 kontra Santa Lucia filwaqt li Gudja spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Floriana. Valletta se jkunu mingħajr il-minfielder Bradley Kamdem li jinsab sospiż. Lura f’Diċembru Gudja għelbu lil Valletta 1-0 b’gowl ta’ Andre Prates.

Santa Lucia vs Ħamrun Spartans | Għada, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Wieħed mit-timijiet li qed jiġġieled kontra r-relegazzjoni, Santa Lucia għandu logħba iebsa ħafna kontra ċ-champions Ħamrun Spartans li, minkejja li saru champions ħames logħbiet qabel, baqgħu jagħtu l-aqwa prestazzjonijiet tant li fl-aħħar żewġ logħbiet kisbu rebħiet identiċi ta’ 4-0 kontra Balzan u Żebbuġ rispettivament. Wara dan il-konfront is-Saints jaffaċċjaw lil Mosta, avversarju ieħor diffiċli u li jista jkun għadu biċ-ċans li jispiċċa fl-ewwel erba’ postijiet tal-klassifika. It-tim immexxi minn Enzo Potenza se jkun ġej minn rebħa ta’ 1-0 kontra Valletta li wara żewġ telfiet konsekuttivi kienet importanti għal moral tat-tim f’dan il-mument kruċjali. Fl-ewwel round l-Ispartans rebħu 2-0.

Hibernians vs Sirens | Għada, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Wara żewġ telfiet kontra Marsaxlokk u Birkirkara, Hibernians kisbu rebħa konvinċenti kontra Pietà Hotspurs biex żammew ħajjin it-tamiet tagħhom li, bħalma għamlu f’dawn l-aħħar snin, jikkwalifikaw għall-Ewropa. L-avversarji li jmiss Sirens, huma salvi, mingħajr pressjoni u għaddejjin mill-aħjar forma tagħhom dan l-istaġun tant li kisbu erba’ rebħiet infila bl-aħħar waħda tkun kontra Marsaxlokk. Hibernians minn dawn l-aħħar żewġ logħbiet, bl-aħħar waħda tkun kontra Floriana, għandhom bżonn punti massimi biex ikollhom ċans li jiġu mal-ewwel tlieta jew tal-inqas ir-raba’ post. Winston Muscat se jkun mingħajr il-midfielder Sean Cipriott li jinsab sospiż. L-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ tmijiet dan l-istaġun intrebaħ minn Hibernians bl-iskor ta’ 1-0.

Żebbuġ Rangers vs Mosta | Għada, fil-17:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Wara serje ta’ riżutati negattivi, fejn mill-aħħar erba’ partiti m’akkwistaw l-ebda punt, Żebbuġ Rangers issa jridu jakkwsitaw xi ħaġa minn dawn iż-żewġ konfronti li fadal, konfronti li fuq il-karta huma iebsin anke minħabba li l-avversarji huma żewġ timijiet li qed jissieltu għall-Ewropa. Għada t-tim immexxi minn Brian Spiteri jaffaċja lil Mosta li minkejja li t-telfa tal-ġimgħa li għaddiet tagħthom daqqa ta’ ħarta, matematikament xorta waħda għadhom jistgħu jagħmluha għall-ewwel erba’ postijiet. Żebbuġ issa ntlaħqu minn Santa Lucia, u kif inhuma l-affarijiet, biż-żewġ timijiet li għandhom l-istess punti u li t-tnejn fadlilhom logħob iebes, il-post għall-play off ikollu jkun deċiż b’decider. Mosta se jkollhom nieqsin lil Clayton Failla u lil Presious Tenebe li t-tnejn li huma jinsabu sospiżi logħba. Mosta fl-ewwel round għelbu lil Żebbuġ 2-0.

Balzan vs Gżira United | Għada, fil-17:15 fl-Istadium Nazzjonali

Il-konfront tal-ġimgħa bla dubju huwa dak li se jintlagħab għada fl-Istadium Nazzjonali bejn Balzan u Gżira United. Konfront dirett bejn żewġ timijiet sfidanti għat-tielet post flimkien ma’ Hibernians u Mosta. Huma Balzan li bħalissa jinsabu jokkupaw it-tielet post bi 43 punt iżda punt biss fuq l-avversarji, bil-forma tal-Maroons hija l-għar waħda għalihom f’dan l-istaġun fejn tilfu l-aħħar erba’ logħbiet, tant li mit-tieni post niżlu għar-raba’. Balzan fl-aħħar partita kisbu rebħa importanti ta’ 3-2 kontra Mosta u b’rebħa f’din il-logħba jkunu għamlu pass importanti biex jilħqu dan it-tragward. Balzan se jkunu mingħajr Ivan Bozovic filwaqt li Gżira se jkollhom jilagħbu mingħajr il-captain Nikolai Muscat li jinsabu sospiżi. Balzan rebħu l-konfront bejn dawn iż-żewġ tinijiet fl-ewwel round bl-iskor ta’ 1-0.