Lokali

Kritika lejn il-proġett ta’ “konfużjoni” biswit l-Ajruport

“Transport Malta hi l-ġugarell favorit tal-Ministri!”
“L-aqwa li l-Ministru jiddandan”
“Is-sigurtà fit-toroq Maltin mhix fuq l-aġenda ta’ Transport Malta”

Huma dawn uħud mill-kummenti li saru minn nies fuq il-media socjali rigward il-proġett infrastrutturali li qed isir madwar l-ajruport, hekk kif dawk kollha li jgħaddu miz-zona għadhom jinnota t-taħwid u l-konfużjoni li hemm – minkejja li l-Ministru tat-Traffiku, Aaron Farrugia kien stqarr illi wieħed jista’ juża’ l-maġġoranza tat-toroq b’mod sigur.

Fost dawk li kkritikaw dan ix-xogħol f’din iz-zona kien hemm l-MEP Laburista Alfred Sant, illi permezz ta’ post fuq Facebook stqarr illi dan il-proġett ma jidher xejn ħlief wieħed li kważi m’għandux tmiem – wieħed li dejjem jidher daqslikieku wasal biex jispiċċa iżda qatt ma jispiċċa.

Dan apparti, li fi kliem Sant stess, ix-xogħol fuq il-proġett hu wieħed ta’ konvużjoni sħiħa, b’sinjali li flok jigwidawk, iktar igerfxuk – tant li jaraha bħala sorpriża kif għadna ma smajniex b’xi inċident serju fiż-zona.

Taħt il-post ta’ Sant, iddominaw kummenti ma jispiċċaw qatt ta’ diversi nies jirrakkuntaw l-esperjenzi xejn pjaċevoli tagħhom meta pprovaw jgħaddu minn din iz-zona. B’persuna partikolari tgħid li saħansitra sabet it-triq magħluqa u ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li ddur lura… mingħajr ma kien hemm ħjiel ta’ xi forma t’għajnuna jew tabelli biex jigwidaw lis-sewwieq.

Oħrajn qalu li l-Ministru qisu ma jafx jagħmel il-matematika sew meta qal li 5% tal-proġett biss baqa’ x’jitlesta hekk kif baqa’ ħafna aktar xogħol x’isir.

U t-taħwid tant huwa kbir li ftit semgħu mill-Ministru biex jibdew jużaw din iz-zona tant li qed jevitaw li jgħaddu minn dawn it-toroq minħabba l-periklu li kienu qed jesperjenzaw.