Lokali

L-Għaqda Studenti tal-Liġi tgħid li l-mossa tal-Prim Ministru hi diżonesta

Il-mossa tal-Prim Ministru Robert Abela li jipprova jwaħħal fil-ġudikatura ġiet deskritta bħala waħda diżonesta u li sservi biss biex tippreġudika l-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia.

Dan intqal mill-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL) wara li lbieraħ, il-Prim Ministru reġa’ fetaħ attakk fuq l-inkjesta li qed issir mill-Maġistrat Marsanne Farrugia rigward it-traġedja ta’ Diċembru li għadda f’Kordin, illi fiha tilef ħajtu dan iż-żagħżugħ. U għal darb’oħra, minflok wieġeb għall-appell li qed tagħmel omm Jean Paul Sofia, Robert Abela għażel li jattakka lill-ġudikatura.

F’ittra lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, Robert Abela qal li l-inkjesta tal-Maġistrat qed iddum b’mod “inaċċettabbli”. Dan filwaqt li għamel pressjoni sabiex l-inkjesta tal-Qorti tingħalaq.

Minkejja dan, il-Prim Ministru imkien ma’ għamel referenza għall-fatt illi hu għadu qed jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika – xi ħaġa li hi kompletament differenti mill-inkjesta tal-Maġistrat.

Issa, l-Għaqda Studenti tal-Liġi qed tgħid li din il-mossa tal-Prim Ministru saret biss għall-konvenjenza politika. Dan filwaqt illi l-istess studenti Universitarji insistew dwar il-ħtieġa li tinżamm is-separazzjoni tal-poter bejn il-Qrati u l-Gvern; mingħajr l-istess Gvern idur għal tattiċi li jaljenaw lin-nies.

Bħall-Partit Nazzjonalista, anke l-Għaqda Studenti tal-Liġi qed tibqa’ issejjaħ lill-Prim Ministru biex jappunta Inkjesta Pubblika.