Raġel Amerikan ta’ 21 sena, membru tal-Air National Guard, tressaq il-qorti, f’Boston, b’konnessjoni mal-ħruġ –leak – ta’ dokumenti militari klassifikati li jitrattaw il-Gwerra tal-Ukrajna u issues relatati mas-sigurtà tal-Istati Uniti.
Jack Teixeira kien identifikat bħala l-protagonista ta’ chat group fuq l-Internet minfejn ħarġu d-dettalji tad-dokumenti inkwistjoni. Hu spiċċa arrestat mill-aġenti tal-FBI li sabuh id-dar f’Dighton, Massachusetts, u fejn spiċċa akkużat dwar ‘trasmissjoni mhix awtorizzata ta’ informazzjoni sensittiva u klassifikata’.
L-imputat għandu l-grad ta’ Airman 1st Class u jaħdem bħala speċjalista tal-IT man-National Guard ta’ Massachusetts, ibbżat fil-Bażi tal-Ajru Nazzjonali ta’ Otis, fil-punent ta’ Cape Cod. In-National Guard hi fergħa riserva – fuq livell federali — mal-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti.
Hu jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs jekk jinstab ħati dwar l-akkużi kollha miġjuba quddiemu.
Il-leak tad-dokumenti żvela l-evalwazzjonijiet tal-Amerikani dwar il-gwerra fl-Ukrajna minbarra sigrieti sensittivi dwar l-alleati ta’ Washington – bil-ħruġ tal-informazzjoni jembarazza lill-awtoritajiet Amerikani, fost id-dubji ġodda dwar is-sikurezza tal-informazzjoni klassifikata.
Jack Teixeira jidher li kellu aċċess għal informazzjoni markata ‘Top Secret’ u kien biss ladarba l-informazzjoni sigrieta bdiet tiċċirkola barra ċ-chat room tal-grupp tiegħu li l-uffiċjali tal-Pentagon (f’ Washington) saru jafu dwar il-leak.
Fl-istess ħin ħadd ma jaf l-iskopijiet ta’ Teixeira li, għalkemm għandu l-‘fehmiet xettiċi’ dwar il-Gvern Amerikan, mhux meqjus bħala xi whistleblower — wisq anqas aġent sigriet li seta’ kien qed jaħdem għal pajjiż ieħor.
//= $special ?>