Raġel li nqabad bid-droga waqt roadblock kważi seba’ snin ilu kien meħlus minn sentenza ta’ ħabs effettiva minn qorti li kkonvertit ruħha f’Qorti tad-droga li qieset il-fatt li minn dak iż-żmien tal-inċident kien ħeles mill-vizzju tad-droga u issa rriforma ruħu.
Fil-15 ta’ Awwissu 2016, il-Pulizija li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fit-toroq fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan, u kienu waqqfu vettura griża tal-marka BMW misjuqa minn Jeremy Mangion, żagħżugħ ta’ dak iż-żmien kellu biss 20 sena b’kondotta mhux imċappsa.
Ir-roadblock kienet saret minn Pulizija tat-traffiku u uffiċjali tal-RIU li ssuspettaw li s-sewwieq kien qed ipejjep joint. L-aġir tiegħu ta x’jifhem lill-Pulizija li xi ħaġa ma kinitx sew u dan wassal għal tfittxija fil-karozza li rriżultat li kien fiha oġġetti relatata mad-droga, fosthom ‘crusher’ u qratas tal-kannabis, kif ukoll ‘grinder’, pajp tal-plastik, €375 fi flus kontanti, żewġ mowbajls u qartas trab abjad suspettat kokaina.
Dik is-sejba wasslet għal aktar tfittxijiet fid-dar tas-suspettat fejn il-pulizija sabu aktar droga cannabis kif ukoll ir-raża tagħha, numru ta’ boroż li jistgħu jiġu siġġillati, kartiera li kien fiha €470 fi flus kontanti, €875 flus oħra kontanti li kienu taħt il-kartiera li jammontaw, sikkina mdaqqsa, borża b’€65 oħra, żewġ mwieżen u xi 1.097 gramma kokaina.
Fil-Qorti ħareġ li fil-bidu meta huwa qabad il-vizzju, dan għamlu f’perjodu ta’ ftit xhur, liema vizzju tant kien kiber sakemm sar wieħed fejn kien ipejjep il-cannabis fuq bażi regolari u ta’ kuljum. Fil-ħinijiet li kien ikun waħdu, tali konsum kien kważi kontinwu.
Dan baqa’ sejjer saż-żmien tal-każ u anke xi xhur wara meta bix-xokk tal-każ, u l-impatt li dan kellu fuqu u fuq tal-familja, kien irrealizza li kellu bilfors jieqaf. Jidher li kellu motivazzjoni biżżejjed sabiex jieqaf u kien sensibbli biżżejjed li jirrealizza li din kienet l-unika għażla li kellu.
Wara perjodu jbati minn sintomi tan-nuqqas ta’ użu, l-imputat irnexxielu jieqaf u jibqa’ astinenti sal-llum il-ġurnata ħlief għal xi okkażjoni rari u sporadika fejn ma rnexxielux jirreżisti. Sabiex jieqaf, huwa wettaq tibdiliet notevoli f’ħajtu bħala qata’ l-ħbieb li kellu, waqaf jiffrekwenta postijiet li kien ikun fihom qabel, u aljena ruħu billi infexx fix-xogħol.
Kien hemm ukoll bidliet li seħħew b’mod naturali bħal fatt li beda r-relazzjoni mat-tfajla, u kiber fl-eta`, u anke is-sapport kontinwu tal-ġenituri li kollha għenuh biex jieqaf u jibqa’ fit-triq it-tajba. Jidher li l-istil ta’ ħajja li adotta huwa
wieħed sodisfaċenti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.