Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-fatt li dak li suppost hu x-Xandir Pubblikku ħass li kellu jippromwovi ktieb li hu miktub biex ifaħħar u jippromwovi lil Adolf Hitler u r-Reġim Nażista.
Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali, Graham Benicini f’isem il-PN fejn tkompli li fil-jiem li għaddew, il-PBS iddeċieda li jxandar programm li jippromwovi ktieb li jiddefendi u jfaħħar lil Adolf Hitler u r-reġim Nażista. F’soċjetà demokratika mhux aċċettabbli li l-Istazzjon Pubbliku jagħmel propaganda lin-Nażismu, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-ktieb m’huwiex fattwalment korrett f’li jgħid u agħar minhekk, waqt il-programm fuq il-PBS, fl-ebda ħin qatt ma ġie sfidat il-konenut li qed jippromovi dan il-ktieb.
Din hi konferma oħra tad-diżastru assolut li hemm fit-tmexxija tal-Istazzjon Pubbliku, li jiċċensura diskorsi mill-Papa Franġisku, mill-President ta’ Malta, mill-Partit Nazzjonalista u mis-Soċjetà Ċivili, iżda jippermetti l-promozzjoni ta’ propaganda falza relatata ma’ Adolf Hitler u r-Reġim Nażista tiegħu li, kif ippruvat storikament, kienu responsabbli għal atroċitajiet inkluż il-ġenoċidju.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru Owen Bonnici u t-tmexxija tal-PBS għandhom iwieġbu min se jerfa’ r-responsabbiltà dwar kif il-PBS niżel f’livell daqshekk baxx u kif se jassiguraw li dan ma jerġax jiġri.
//= $special ?>