Sport Sport Ieħor

Plejer tal-volleyball Taljana tmut wara li waqgħet sitt sulari minn lukanda f’Istanbul

Il-Pulizija Torka fi stqarrija qalet li qed tinvestiga l-mewt tal-plejer tal-volleyball Taljana ta’ 18-il sena Julia Ituma li waqgħet’ mit-tieqa tas-sitt sular ta’ lukanda f’Istanbul.

Il-katavru ta’ Julia Ituma nstab quddiem il-lukanda fejn kien qed joqgħod it-tim tagħha, skont il-pulizija ta’ Istanbul.

Il-pulizija f’dettalji li taw qalu li filmati tas-sigurtà minn ġewwa l-lukanda juru lil Ituma titkellem fuq il-mobile fil-kurituri fis-sigħat ta’ filgħaxija, u mbagħad tpoġġi fl-art barra l-bieb ta’ kamritha għal madwar siegħa, qabel ma tidħol fil-kamra tagħha għall-aħħar darba qabel l-inċident.

Il-klabb tal-volleyball ta’ Ituma, Igor Gorgonzola Novara, esprima wkoll il-weġgħa dwar il-mewt tagħha, u żied li l-pulizija Torka kienet qed taħdem biex tiddetermina l-kawża tal-mewt.

It-tim kien f’Istanbul fejn nhar l-Erbgħa lagħab it-tieni leg tas-semifinali taċ-Champions League tal-volleyball kontra t-tim Tork ta’ Eczacıbaşı Dynavit, li wkoll esprimew il-kondoljanzi tagħhom.

Il-Federazzjoni Taljana tal-Volleyball ħabbret ukoll li fil-partiti kollha tal-volleyball li se jintlagħabu bejn il-Ħamis u l-Ħadd se ssir minuta silenzju għall-memorja ta’ Ituma.