MALTA………………1
SLOVAKKJA……….6
MALTA: E. Muscat (M. Muscat 46′); F. Bartolo, L. Farrugia (L. Calleja 74′), A. Micallef, T. Scicluna, A. Vassallo (S. Saliba 65′), N. Celeste (K. Micallef 65′), N. Attard (L. Azzopardi 87′) , Y. Azzopardi (E. Micallef 35′), A. Galea (S. Francalanza 74′), M. Gauci (I. Abela 74′).
SLOVAKKJA: N. Krizanova; K. Tordajiova, M. Slukova, E. Marhekova, L. Plchova, S. Horvathova, H. Michalikova, M. Pekarova, N. Bobcekova, E. Suchonova (M. Glodova 74′), S. Halasova
Telfa iebsa għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-16-il sena, hekk kif fit-tieni konfront mill-UEFA Development Tournament sfaw megħluba 6-1 minn Slovakkja.
Din kienet it-tieni rebħa tal-Islovakki f’dan it-tournament wara li fl-ewwel logħba għelbu lill-Gżejjer Faroe 3-1.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mill-Maltin meta l-captain Lexine Farrugia ttantat xortiha minn barra l-kaxxa iżda x-xutt għadda barra.
L-istess plejer ftit wara mpenjat lill-goalkeeper Slovakka Krizanova li kellha tilqa’ x-xutt tal-plejer ta’ Lija Raiders b’diffikultà.
Mandankollu kienu l-Islovakki li fetħu l-iskor fis-seba’ minuta meta kienet Emily Suchonova li tefgħet ġewwa minn kross ta’ Michaela Pekarova.
Bl-Islovakki jagħlqu tajjeb fid-difiża, il-Maltin kienu kostretti jipprovaw xuttijiet minn barra permezz tas-solita Lexine Farrugia li iżda ma kienux perikolużi.
Fis-27 minuta Slovakkja rduppjaw permezz ta’ Lenka Plchkova li għelbet lil Erika Muscat mill-viċin biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-0 għall-Islovakki.
Sitt minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Victoria Havalec qabżet plejer kif ukoll lil goalkeeper sostituta Maya Muscat biex għamlet l-iskor 3-0.
Minuta wara Malta naqqset il-marġni tal-iskor meta Lexine Farrugia approfittat minn żball difensiv tal-avversarji u b’xutt fil-baxx għelbet lil Krizanova.
Fid-79 minuta wasal ir-raba’ gowl tal-Islovakki fejn kienet is-sostituta Melania Glodova li qabżet lil Maya Muscat u tefgħet ġewwa f’lasta vojta.
Victoria Havalec skorjat darbtejn oħra fl-84 u fid-90 minuta biex b’hekk għaqdet hat-trick personali u skor finali ta’ 6-1 għal Slovakkja.
Nhar it-Tnejn, it-tim nazzjonali Malti jilgħab l-aħħar partita minn dan it-tournament kontra l-Gżejjer Faroe, fit-15:00 fis-Centenary Stadium.
//= $special ?>