Lokali Qorti

Verifiki fil-kont ta’ l-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk fuq ħlasijiet

Meta l-Pulizija nformat lill-HSBC dwar kontijiet tal-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk Father Luke Seguna mill-ewwel bdew isiru verifiki fuq ċekkijiet li kienu ġew depożitati fil-kont tiegħu. Fost oħrajn kienet inġabret informazzjoni dwar żewġ ċekkijiet tal-bank APS li ġew depożitati fil-kont tiegħu u li kien sar xi ħlas lura lil persuna li għaddilha flejjes għal bżonnijiet tagħha.

“Il-bank kien tkellem ma’ Father Luke u kien saħaq miegħu li għandu jkun hemm distinzjoni bejn kont privat ta’ persuna u kont ieħor li ġej minn organiżazzjoni. Skont ir-‘records’ flejjes li kien għadda lil din il-persuna kienu saru bi flus kontanti. Kienet saret korrispondenza miegħu biex naraw jekk kienx hemm tranżazzjonijiet oħrajn li huma ta’ interess. Nista’ ngħid li iva hemm tranżazzjonijiet oħra”.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Timothy Zammit il-Head of Financal Crime Investigations tal-Bank HSBC meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Fr Luke Seguna ta’ 39 sena, deher quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras hekk kif komplew il-proċeduri kriminali kontrih.

Huwa qed jiġi akkużat fost l-oħrajn b’ħasil ta’ flus u miżapproprjazzjoni ta’ fondi. Is-saċerdot kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk jinsab mixli li ffroda madwar 150 parruċċan fuq medda ta’ 10 snin kif ukoll b’miżapproprjazzjoni ta’ fondi, ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Fis-seduti preċedenti numru ta’ xhieda kienu qalu li l-akkużat kien iħobb jgħin ħafna lil persuni li kienu fil-bżonn.

Zammit kien diġa’ xehed f’dawn il-proċeduri fejn kien ippreżenta tliet box files – wieħed għall-qorti, wieħed għall-prosekuzzjoni, u ieħor għad-difiża. F’dawn il-box files kien hemm id-dikjarazzjonijiet bankarji li jkopru l-perjodu 2016 sal-2022 kif ukoll kopja taċ-ċekkijiet.

Il-Ġimgħa wara nofs inhar huwa reġa’ ppreżenta aktar dokumenti relatati mal-każ. Ix-xhud spjega li dwar ċekkijiet tal-APS Seguna kien ta spjegazzjoni li dawn kienu ħlas lura ta’ flejjes li kien għadda lil persuna anzjana u xi organiżazzjonijiet differenti, bis-somma tlaħħaq mal-10,000 ewro, f’.

Ix-xhud qal lil Seguna kien spjega mal-banl li dawn il-fondi kienu akkumulu fi flus l-kontanti. Tenna li hu kien qallu li m’għandux ikun hemm taħlit ta’ kontijiet differenti, dawk personali u dawk ta’ organiżazzjonijiet. Dwar flejjes kontanti li kien qed iżomm għandu, x-xhud qal li dawn kienu bħala parti mix-xogħol tiegħu fejn kien jirċievi donazzjonijiet ta’ flus kontanti li kienu ġejjin għal diversi għanjiet.

Dawn qal Zammit, Seguna kien qally li kienu jiġu minn anniversarji tas=saċerdozzju u kienu wkoll jingħatawlu wkoll flus kontanti, f’għelu żmienu u f’okkażjonijiet oħra. Il-Prosekuzzjoni hawn qrat silta minn rapport li l-Pulizija kienet ingħatat fejn l-akkużat kien qal li jżomm il-flus kontanti minħabba li fost problemi oħra, l-ATM Marsaxlokk ma kinitx taħdem.

Ix-xhud qal li hu ma jafx jekk dan kienx il-każ dak iż-żmien, iżda li hu żgur huwa li huma dejjem jinkoraġixxu persuna biex ma takkumulax fondi d-dar. “Dwar dan noqgħodu fuq dak li tgħidlna l-persuna. Dwar meta jkollna kuntatt ma klijent fuq diversi tranżazzjoni kemm il-darba nitolbu kjarifika dwarhom” qal ix-xhud,

Tenna li kien jkellmu klijenti peress li jista’ jkun li ċertu tranżazzjonijiet ma jkunux jafu bihom. Zammit li kien hemm każ ukoll fejn kellmu lill-akkużat fuq tranżazzjonijiet li ħasbu li hu ma kienx jaf bihom. Hekk kif il-prosekuzzjoni talbet biex tingħata aktar informazzjoni dwar dawn is-siti jew sit, Zammit qal li l-akkużat infurmahom li kien jaf bihom u kkonferma li xtara servizzi minn dawn is-siti.

Għaldaqstant hawn il-bank issa li kien hemm il-konferma ta’ Seguna, li dawn il-websites jaf bihom, ma baqgħux jaħsbu li dan kien xi scam. Hekk kif ix-xhud kien se jsemmi s-siti u x-xiri tagħhom, l-Avukati ta’ Seguna, Josè Herrera u Matthew Xuereb irribellaw u qalu li dan kollu huwa ta’ natura privata. Tenew lin data personali tmur kontra l-ħajja privata tal-individwu, punt li anke tqajjem mill-Qorti ta’ Strasburgu.

“Qed noġġezzjona għal din il-linja ta’ domandi, għax hawn l-Avukat Ġenerali qed jissuġerixxi lix-xhud fuq id-domandi li qed jagħmillu,” qal l-Avukat Matthew Xuereb. Hawn il-Qorti għamlet minn kollox biex tikkalma s-sitwazzjoni, Ix-xhud imbagħad qal li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-klijent tal-bank, f’dan il-każ – Luke Seguna, li ried li jkun hemm is-serħan tal-moħħ li ma kienx hemm xi scam u li kien qed jiġi ffrodat.

Zammit qal ukoll li l-bank kien għamel tfittxija fuq dawn is-siti f’każ li l-klijent ma jkunx jaf li qed jiġi ‘hacked.’ Imma l-fatt li Seguna qal li kollox sew u li kien jaf b’kollox, il-bank waqaf hemm. Tenna wkoll li f’Awwssu li għadda l-bank informa lil- Seguna fuq l-ordni tal-iffriżat tal-assi u hemm ngħalaq kollox u anke ntbgħtet lilu “exit letter.” Hawn ġiet ippreżentata fil-Qorti statment tal-kontijiet minn meta dawn ingħalqu, dokumenti u ittri oħra relatati.

Aktar battibekki fejn id-dififża u l-Prosekuzzjoni

Uffiċjali oħra mill-istess bank u minn banek oħra u kumpanija finazjarju ippreżentaw wkoll dokumenti u uffiċjali mis-Cyber ippreżentaw ukoll data fejn kienet possibbli tal-akkużat li tinkludi dik minn Iphone u facebook, anke jekk kien hemm xi devices li ma setgħux jiġu aċċessati minħabba li dawn kellhom bżonn il-password.

L-aħħar xhud kienet Allesandra Piscopo minn Marsaxlokk li qalet li kienet tgħin fl-attivitajiet tal-parroċċa tal-lokal. Fuq mistoqsija tal-Prosekuzzjoni dwar kif kienet tgħin billi tagħmel xi kejkijiet, d-difiża hawn, l-aktar l-Avukat Matthew Xuereb, beda jikkummenta b’leħen għoli dwar ir-rilevanza ta’ din ix-xhud u li kif il-proċess wasal s’hawn.

Meta kompliet tixhed dwar ristorant partikolari fejn saret attività għall-parroċċa kienet mistoqsija jekk ġabritx xi flus. Qalet li hija kienet biss tieħu ħsieb li tbiegħ lotterija waqt l-attività u ma tafx kif fuq Facebook xi ħadd daħħal lilha fin-nofs. Qalet li hi ma jkollix x’taqsam ma’ flus.

Tbigħ il-biljetti waqt l-ikla u dawn tgġaddihom lil min jorganiżża, ċerta Doris Sciberras, persuna li tiġbor ukoll in-nies għall-coffee mornings u tgħin ħafna lill-parroċċa. Il-Prosekuturi Ramon Bonett Sladden u Andrea Zammit qed jidhru f’isem l-uffiċċju tal-AG mgħejjuna mill-Ispettur Christopher Ellul. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreħenta lill-Kurja u l-Avukat Maurice Meli wkoll huwa parte civile fil-każ. Is-seduta li jmiss se ssir l-Erbgħa 10 ta’ Mejju fil-12.15 pm.