Lokali

Sitt żgħażagħ l-isptar wara inċident f’Ta’ Qali; erbgħa jsofru ġrieħi gravi

Fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, 6 żgħażagħ kienu involuti f’inċident tat-traffiku b’diversi ambulanzi jieħdu liż-żgħażagħ l-isptar biex jirċievu l-kura meħtieġa.

4 minn dawn iż-żgħażagħ qed isofru ġrieħi gravi filwaqt li t-tnejn l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart f’Ta’ Qali.

Fi stqarrija il-pulizija qalet li vettura tat-tip Toyota Tercel misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18–il sena mis-Siġġiewi ħabtet ma’ arblu.

Fil-karozza mas-sewwieq kien hemm ukoll żagħżugħ minn Ħaż-Żebbuġ u l-ieħor minn Ħal Qormi, it-tnejn ta’ 18–il sena u tfajla ta’ 18–il sena minn Ħal Għaxaq flimkien ma’ żewġ tfajliet oħra 16-il sena mis-Siġġiewi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna.

Aktar tard, waħda mit-tfajliet ta’ 16-il sena u t-tfajla ta’ 18-il sena kienu ċċertifikati li qed isofru ġrieħi ħfief filwaqt li l-kumplament taż-żgħażagħ qed isofru minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.