Emails ġodda li ġew ippubblikati llum jikkonfermaw li kien hemm cover-up fil-każ tal-iskandlu tal-bank Pilatus. Dawn l-emails ġew ippubbliktati fil-ktieb bl-isem “Pilatus: A laundromat bank in Europe” tal-awtur Robert Aquilina.
Dan il-ktieb jirrakkonta l-istorja ta’ dan il-bank sa minn qabel ma twaqqaf f’pajjiżna u jmur lura għal meta sid il-bank, Ali Sadr, akkwista l-flus permezz ta’ kuntratti korrotti fil-Venezwela. Il-ktieb jispjega kollox pass wara pass u jiffoka l-iktar fuq in-nuqqasijiet kbar li saru u għadhom isiru fil-konfront tal-operat kriminali ta’ dan il-bank, mill-istituzzjonijiet Maltin u min imexxihom.
L-aetur qal li dan il-ktieb jirrakkonta fatti xokkanti li seħħew minn u permezz ta’ dan il-bank li kien biss ‘magna tal-ħasil tal-flus’… ktieb li jiżvela fatti xokkanti dwar l-imġiba tal-Korp tal-Pulizija u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
In-Nutar Robert Aquilina qal li għall-ewwel darba dan il-ktieb qed ipoġġi għall-ġudizzju tal-poplu, dokumenti u provi oħrajn li juru kemm l-istituzzjonijiet Maltin bħall-MFSA u l-FIAU, ħallew lil dan il-bank jagħmel li jrid u b’hekk iħammeġ isem pajjiżna mad-dinja kollha ub wasal biex Malta tkun l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li qatt spiċċa fil-list l-griża.
L-awtur qal li dan kollu ħareġ mill-inkjesta Maġisterjali u r-rapport ta’ ditta internazzjoni ta’ esperti magħrufa għall-investigazzjonijiet forensiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-bank. Din l-inkjesta wasslet biex ikun hemm id-direzzjoni maġisterjali lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali sabiex sitt persuni jitressqu l-Qorti akkużati bi kriminalità fir-rwoli tagħhom fl-ogħla livell tat-tmexxija tal-bank Pilatus.
Dan il-ktieb juri li minkejja dawn il-provi kollha u d-direzzjoni ċara li ta l-Maġistrat inkwerenti, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet l-ewwel kaxkru saqajhom u mbagħad b’mod proattiv ħadu deċiżjonijiet biex dan ma jseħħx. Il-ktieb juri kif dan seħħ apposta f’konfoffi misturi bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li huma l-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali…., fejn l-ordnijiet għal dawn ma kienu xejn ħlief cover up… ordnijiet li ngħataw bil-barka tal-ogħla tmexxija ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Robert Aquilina qal li dan il-ktieb jinkludi evidenza ta’ dan kollu u b’hekk huwa dokument minnu nnifsu li juri li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma ħadmux meta l-bank Pilatus beda jopera minn Malta.
//= $special ?>