Rowen Camilleri
BALZAN…………..0
GŻIRA U…………..2
Balzan: J. Debono, S. Arab, M. Grima (A. Satariano 54’), P. Fenech, A. Torres, N. Zerjal, N. Braunovic (B. Hili 83’), M. Raso, M. Nogureira (B. Mladenovic 65’), A. Andrejic (D. Ndinga 54’), B. Kaljevic
Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, S. Pisani (A. Borg 89’), Z. Scerri, M. Dias, L. Riascos (Ewertton 73’), T. Kollega, M. Cosic, J. De Assis (B. Borg 90+3’), J. Mendoza
Skorjaw: J. De Assis 34’, T. Kolega 50’ (G)
Imwissija: L. Riascos 46’ (G), N. Braunovic 65’, A. Torres 68’ (B)
Referee: Fyodor Zammit
Assistenti Referees: James Muscat u Mark Ciantar
BOV Plejer tal-logħba: Toni Kolega (Gżira United)
Il-Mument Plejer tal-logħba: Luis Riascos (Gżira United)
Gżira United irritornaw għar-rebħ wara erba’ telfiet infila u f’konfront dirett għal post fl-Europa Conference League, għelbu lil Balzan 2-0 b’gowl f’kull taqsima. B’din ir-rebħa l-Maroons jikkonsolidaw it-tielet post b’45 punt, żewġ punti fuq l-istess Balzan, Hibernians u Mosta.
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet fl-14-il minuta minn Balzan li minn free kick dirett ta’ Angel Torres, il-ballun ħabat mal-mimduda qabel mad-difiża tajjret f’korner.
Fit-23 minuta reġgħu kienu Balzan perikolużi l-ewwel b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Paul Fenech li kien milqugħ parzjalment minn Zarkov u mir-rebound Matheus Nogureira ra x-xutt tiegħu jerġa jkun milqugħ mill-goalkeeper Gżirjan li dawwar f’korner.
Kontra x-xejra tal-logħob Gżira marru fil-vantaġġ fl-34 minuta minn żball tal-goalkeeper Jonathan Debono li ma żamx ix-xutt faċli ta’ Jefferson De Assis bil-ballun jibqa’ dieħel fix-xibka. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima bl-iskor sal-mistrieħ ikun dak ta’ 1-0 favur il-Maroons.
Gżira ma setax ikollhom bidu aħjar fit-tieni taqsima meta wara biss ħames minuti skorjaw it-tieni gowl fejn kien kross mil-lemin ta’ Luis Riascos fid-direzzjoni ta’ De Assis, bil-Brażiljan ma jolqotx il-ballun li ġie għand Toni Kolega li b’xutt b’saħħtu tefa’ fis-saqaf tax-xibka.
Fit-72 minuta Balzan b’azzjoni rari fit-tieni taqsima min-naħa tagħhom iżda l-konklużjoni ta’ Angel Torres tgħaddi għoli.
Jonathan Debono wettaq save mill-aqwa fis-77 minuta meta kien kross pinġut tas-sostitut Ewertton fuq De Assis li ra d-daqqa ta’ ras mill-viċin tiegħu tkun milqugħa bi bravura mill-goalkeeper ta’ Balzan.
Minuta wara Darijan Zarkov kellu jwettaq save spettakolari fuq sieħbu stess meta f’tentattiv li jtajjar, Toni Kolega kien għoddu tefa’ fix-xibka ta’ Ġżira iżda l-goalkeeper Kroat dawwar f’korner.
Gżira għalqu tajjeb fid-difiża tant li Balzan kienu kostretti jipprova xuttijiet minn barra li iżda ma sarfu f’xejn biex l-iskor sat-tisfira finali baqa’ dak ta’ 2-0 favur it-tim immexxi minn Darren Abdilla.
