Ewropa Internazzjonali

Il-grupp Wagner jaħkem zoni oħra f’Bakhmut; attakki f’Donetsk joqtlu tifel

Il-grupp Wagner ħadu żewġ zoni ġodda fil-Belt ta’ Bakhmut bil-Ministru tad-Difiża Russa qal li dan il-grupp tal-merċenarji  ħakem aktar zoni fil-lvant ta’ din il-Belt.

L-awtoritajiet Ukreni iżda ċaħdu din l-aħbar b’rapporti internazzjonali oħra jikkonfermaw li kien hemm irtirar ta’ truppi Ukreni madwar jumejn ilu.

Tul dan il-lejl minn tal-anqas 9 persuni inkluż tifel tilfu ħajjithom f’attakk fuq Donetsk permezz ta’ rocket missila Russa. L-attakk ħalla wkoll 21 persuna midruba.

L-awtoritajiet Ukreni min-naħa tagħhom qalu li waqqfu 50 attakk mill-ajru fl-aħħar 24 siegħa, bl-awtoritajiet Russi jikkonċentraw aktar fuq l-attakki permezz tal-art fir-reġjun ta’ Donetsk, fejn hemmhekk kienu aktar effettivi.

L-attakki komplew ukoll fuq numru ta’ infratrattura bl-attakki jkunu speċifiċi biex mhux biss ikissru l-binjiet Ukreni imma wkoll il-moral tan-nies, bl-aħħar aħbarjiet li l-Bank tad-Dinja għandu jipprovdi mal-200 miljun dollaru għar-restawr tal-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna ma tantx tintlaqqa’ tajjeb mill-Kremlin.

Fix-xhur u s-snin li ġejjin, l-Ukrajna se tkun qed tieħu mal-5 biljun dollaru f’għajnuna oħra, bl-Iżvizzera mistennija tagħti maż-żewġ biljuni fis-sitt snin li ġejjin.

Spanja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Litwanja u l-Latvja mistennija  jagħtu aktar għajnunjiet lill-Ukrajna.

Fl-aħħar 24 siegħa, ir-Russi qed jakkużaw lill-Ukreni li qatlu 4 t’itfal fi Yasynuvata, f’Donetsk u li tinsab maħkuma mir-Russi.

Fl-aħħar sigħat l-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li se jkunu qed qed jibgħatu l-ewwel tankers tal-gwerra tat-tip Leopard f’Kyiv. Il-Gvern Daniż se jkun qed jagħti minn tal-anqas 100 tankers tal-gwerra bi sħab mal-awtoritajiet Ġermaniżi u anki Olandiżi.