“Għalfejn qed nibqgħu nirrepetu l-istess żbalji? Dawn huma żbalji li qed iwasslu għal aktar traffiku f’pajjiżna.”
Hija din id-dikjarazzjoni li saret mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex hekk kif fi stqarrija saħqet li hija kontra li jkun hemm karreġġjata waħda biss fit-triq il-ġdida tal-Għadira – triq li issa ilha xhur sħaħ biex titlesta, b’inkonvenjent enormi għal kull min ikun qed jaqsam, jew ġej minn Għawdex.
Il-GTA qalet li din hija l-unika triq li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u allura mhuwiex biżejjed li triq bħal din ikollha karreġġjata waħda biss. Dan għaliex jekk jiġri xi ħaġa u t-triq ikollha tingħalaq għal ċertu ħin se tinħoloq konġestjoni tat-traffiku.
L-Assoċjazzjoni qalet li Għawdex hija destinazzjoni ferm popolari mat-turisti u allura tiddependi minn konnettivita’ effiċjenti kif ukoll konsistenti sabiex in-nies ma jqattgħux ħin twil fit-traffiku waqt li qed jivjaġġjaw bejn Malta u Għawdex.
Barra minn hekk, il-GTA insistiet li l-konettività għaċ-Ċirkewwa diġà hija waħda ferm ineffiċjenti hekk kif it-triq li tgħaqqad iċ-Ċirkewwa mat-Tramuntana ta’ Malta hija waħda traffikuża.
L-assoċjazzjoni qalet li qed jinħoloq kaos kbir meta ħafna nies jitilgħu Għawdex f’daqqa fi żmien ta’ festi jew inkellha waqt il-btajjel tas-sajf. Fl-istqarrija l-GTA għamlet appell lill-Gvern sabiex jikkunsidra l-impatt tat-traffiku li se tikkawża din it-triq jekk issir b’karreġġjata waħda.
Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tnaqqis ta’ korsija għall-karozzi fit-triq tal-Għadira ma tagħmilx ġid lin-nies iżda se tkun ta’ xkiel ieħor għall-mijiet ta’ ħaddiema li jaqsmu lejn Malta, kif ukoll se żżid mal-ħafna traffiku li diġà jeżisti fit-toroq Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li meta jkun se jsir tibdil ta’ dan it-tip, għandu jsir bi pjan u bil-konsultazzjoni meħtieġa.
Intant fi stqarrija Infrastructure Malta kkundannat l-ilment tal-GTA filwaqt li ddeskriviet l-istqarrija tal-GTA bħala waħda bla bażi u responsabbiltà. Fl-istqarrija Infrastructure Malta qalet li minħabba l-parkeġġi f’partijiet dojoq tat-triq ma tippermettix it-tfassil ta’ żewġ korsiji fuq kull naħa. Barra minn hekk, fl-istqarrija intqal ukoll li f’każ ta’ emerġenza fis-central strip se jitħallew spazji sabiex it-traffiku jkun jista’ jgaħddi għall-karreġġjata opposta b’mod kontrollat minn uffiċjali tat-traffiku.
//= $special ?>