“It-trasparenza u l-kontabilità rridu naħdmu għalihom kuljum. In-nuqqas ta’ trasparenza hija ta’ theddida għad-demokrazija nnifisha.”
Dan sostnietu l-ADPD – The Green Party, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu quddiem l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali fil-Floriana.
L-ADPD qal li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kemm-il darba ntalab jinvestiga każijiet fejn ittieħdu deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u li dwarhom tqajjmu ħafna mistoqsijiet. L-Awditur Ġenerali huwa inkarigat mill-Parlament biex, fost l-oħrajn, jissorvelja u jirraporta fuq każijiet li jitressqu quddiemu. L-ADPD għamel hekk diversi drabi fosthom riċentement dwar il-kuntratt ta’ impjieg ta’ Rosianne Cutajar mal-ITS. Dwar dan l-ADPD talbet li jiġi investigat jekk fondi pubbliċi ntużawx b’mod abbużiv.
L-ADPD saħqet li kull min jamministra fondi pubbliċi għandu l-obbligu li jagħmel dan fl-interess pubbliku u mhux biex ikun hemm min jiggwadanja b’mod abbużiv. Hawnhekk qalu li fl-aħħar minn l-aħħar kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità sħiħa ta’ għemilu.
ADPD kienet talbet ukoll lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ħlas ta’ “golden handshakes” li jingħataw lil membri tal-Kabinett li jispiċċaw mill-ħatra. Ma hemm l-ebda trasparenza dwar dawn il-ħlasijiet li jidher li jiġu deċiżi mill-Kabinett stess.
Huma qalu li jinsabu sodisfatti li l-Awditur Ġenerali qiegħed jieħu dawn l-ilmenti bis-serjetà u kien għalhekk li aktar kmieni din il-ġimgħa talab laqgħa mal-ADPD dwar il-kuntratt tal-ITS ma’ Rosianne Cutajar. Din mhix talba biex tiġi investigata l-Onorevoli Cutajar imma dwar jekk l-ITS inġaġġahiex b’mod abbużiv biex twettaq xogħol li dwaru la kellha għarfien u l-anqas kompetenza.
Waqt il-konferenza l-ADPD qalet li se tibqa’ tinsisti u tara li min jamministra fondi pubbliċi jagħmel dan b’mod trasparenti għaliex dan biss iwassal għal kontabilità reali. Il-ħabi ta’ informazzjoni twassal għal governanza ħażina u timmina il-kontabilità.
//= $special ?>