Lokali

Konferma li n-nies mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja

L-infieq tal-Maltin u l-Għawdxin għadu ma rritornax għal dak li kien qabel iż-żmien tal-pandemija, hekk kif iż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed tkun ta’ inkwiet kbir għall-ħaddiema u l-familji.

Dan ħareġ minn studju li sar mid-ditta ta’ awdituri KPMG – studju li ffoka fuq l-infieq tal-poplu Malti u Għawdxi matul is-sena li għaddiet.

L-istudju juri li matul is-sena 2022, in-nies nefqu 49% tad-dħul tagħhom fuq affarijiet li mhumiex essenzjali li jinkludu ristoranti, u lukandi fost affarijiet oħra.

Meta wieħed iħares lejn l-2019 in-nies f’dak il-perjodu kienu jonfqu 54% mid-dħul tagħhom fuq affarijiet li mhumiex essenzjali u waqt il-perjodu tal-pandemija dan niżel għal 47%.

Allura dan ifisser li l-infieq fuq affarijiet mhux essenzjali żdied bi 2% biss minn wara l-pandemija.

Skont dan l-istudju tal-KPMG… fattur li qed jikkontribwixxi għal tibdil fl-infieq huwa dovut għaż-żieda esaġerata fil-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali – żieda illi sfurzat ukoll lil diversi nies sabiex joqgħodu lura milli jonfqu l-flus fuq affarijiet li mhumiex essenzjali.

Il-KPMG sabet li l-inflazzjoni żdiedet għal 7% fi Frar li għadda, bil-prezzijiet ikomplu jogħlew ‘il fuq.

Dan l-istudju jindika wkoll illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jistenna li l-inflazzjoni annwali suppost li se tonqos xi ftit fi żmien sentejn.

Din il-ġimgħa, NetNews.com.mt irrapporta żieda fil-prezz tal-pastizzi minn ċertu lokalitajiet. Prodotti oħra tal-ikel, bħall-bajd, ukoll kellhom żieda fil-prezz tagħhom minn Diċembru sal-lum. Żdiedu wkoll diversi prodotti mediċinali u anke prodotti li jintużaw għall-ħasil u l-iġene personali.