“Dawn huma affarijiet li jiġru biss fil-Korea ta’ Fuq”.
Hekk stqarr l-awtur tal-ktieb il-ġdid ‘Pilatus – A Laundromat Bank in Europe’ meta dalgħodu preżenta fatti u provi ġodda – fosthom emails – illi jikkonfermaw kemm fl-iskandlu tal-bank Pilatus kien hemm għanqbuta sħiħa ta’ personaġġi li iddefsu f’din is-saga sabiex għattew lil xulxin.
In-nutar Robert Aquilina, fil-ktieb tiegħu, jindika li l-proċeduri kontra waħda mill-uffiċjali ta’ Pilatus – Antoniella Gauci – twaqqfu ħesrem minħabba li l-familja tagħha kellha rabtiet mal-Prim Ministru Robert Abela. Din l-allegazzjoni serjissima titfa’ pressjoni enormi fuq Abela u t-tmexxija ta’ Kastilja, għaliex għall-ewwel darba isem il-Prim Ministru jintrabat ma’ dan l-iskandlu ta’ ħasil ta’ flus.
Fil-ktieb, Aquilina jgħid illi missier Antoniella Gauci (ritratt fuq) u anke ħuha kienu klijenti u kanvasers ta’ Robert Abela. Bl-awtur jindika li dan possibbilment kien fattur li wassal lill-Avukat Ġenerali toħroġ ordni – imsejħa nolle prosequi – sabiex il-Pulizija ma jmexxux bl-akkużi kontriha.
Fil-fatt, fil-proċeduri li inbdew kontra Pilatus huma biss il-bank u l-uffiċjal Claudanne Sant-Fournier li qed jiġu akkużati.
Min hi Antoniella Gauci?
Antoniella Gauci kienet inqabdet mill-cameras ta’ Net TV meta flimkien ma’ Ali Sadr ħarbu bil-bagalji mill-bank f’Ta’ Xbiex. Sa dak iż-żmien, ħadd ma kien jaf eżatt x’kien ir-rwol ta’ Gauci.
Dan il-filmat kien miġbud f’April tal-2017, ftit jiem biss qabel issejħet elezzjoni ġenerali bikrija mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Antoiniella Gauci kienet Risk Manager tal-bank Pilatus.
U b’reazzjoni għal dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela fl-ebda ħin ma ċaħad dak li kien żvelat f’dan il-ktieb. Fi stqarrija qasira qal biss li skont hu, l-awtoritajiet jaħdmu f’indipendenza u f’awtonomija sħiħa u jieħdu d-deċiżjonijiet bis-saħħa li tagħtihom il-liġi, skont il-ħaqq u s-sewwa.
//= $special ?>