Futbol Sport

Premier League Ingliż: Manchester City iżidu l-pressjoni fuq Arsenal

(Ritratt: EPA)

Manchester City komplew bis-sfida għat-titlu b’rebħa faċli f’darhom, 3-1, fuq Leicester City biex b’hekk qatgħu l-vantaġġ tal-leaders, Arsenal, għal tliet punti biss. Dan meta l-Gunners, illum, se jkunu impenjati fil-London Stadium fejn jikkonfrontaw lil West Ham United f’derby ieħor ta’ Londra.

Is-Citizens – li ftit tal-jiem ilu umiljaw lil Bayern Munich fiċ-Champions League – komplew juru li huma t-tim tal-mument meta fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel 25 minuta biex qatgħu kull tama tal-Foxes li jieħdu xi ħaġa mill-konfront.

L-ewwel gowl ta’ City wasal wara ħames minuti meta John Stones ikkonkluda mill-viċin b’xutt tremend wara taħwida quddiem il-lasta ta’ Iversen. L-iskor sar 2-0 meta Wilfred Ndidi mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, b’Erling Haaland (13) ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru wara l-konvalidazzjoni tal-penalty mill-VAR.

Intant ma kenitx sorpriża meta City żiedu l-vantaġġ fil-25 minuta – bl-istess Haaland japprofitta mill-pass żbaljat ta’ Kiernan Dewsbury Hall u wara assist perfett minn Kevin de Bruyne.

Fit-tieni taqsima Leicester City skurjaw gowl li jiswa biss bħala konsolazzjoni meta fil-75 minuta l-ex attakkant ta’ Manchester City Kelechi Iheanacho sab ix-xibka minn suġġeriment ta’ Harry Souttar.