Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa sorpriża għal Bournemouth fuq Spurs….Southampton u Everton f’baħar ta’ inkwiet

Bournemouth kisbu rebħa sorpriża iżda meritata (3-2) f’The New White Hart Lane grazzi għal gowl fl-aħħar nifs skurjat mis-sostitut Dango Outtara. B’hekk iċ-Cherries għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni, bir-riżultat jitqies ukoll bħala daqqa ta’ ħarta għat-tamiet ta’ Spurs li jissiġillaw post fit-Top 4 tal-Premier Ingliż.

Kienu fil-fatt Tottenham li fetħu l-iskor minn Son Heung-min (14) iżda Bournemouth wieġbu f’gowl tad-difensur Urugwen, Matias Vina, seba’ minuti mill-mistrieħ. Kmieni fit-tieni taqsima, Bournemouth kisbu l-vantaġġ b’gowl opportunist ta’ Dominic Solanke (51) — b’sostitut ieħor, Arnaut Danjuma (88), jagħmilhom 2-2 għal Spurs b’xutt baxx u preċiż għar-rokna.

Iżda l-aktar mument drammatiku kien riservat għal Outtara li kontra kull mistenni irċieva mingħand Solanke biex jegħleb mill-ġdid lil Lloris u jiċħad punt importanti lil Spurs.

Newcastle United ukoll għamlu pass ħażin fil-ġlieda għat-Top 4 meta sfaw megħluba 3-0 minn Aston Villa fl-ewwel logħba tal-programm tal-Premier League għal din il-ġimgħa.

Il-Villains kienu superjuri għall-avversarji f’kull dipartiment u qegħdin juru progress notevoli mindu Unai Emery ħa t-tim f’idejh wara t-tkeċċija tal-eks manager Steven Gerrard.

Aston Villa kellhom jistennew biss ħdax-il minuta biex jiftħu l-iskor minn Jacob Ramsey li konkluda fuq il-header ta’ Ollie Watkins. Il-Villains komplew juru l-aħjar ideat, bit-tieni gowl jasal minn Watkins (64) li tul il-logħba ma tax minuta mistrieħ lid-difiża tal-Geordies.

Newcastle kellhom tentattiv perikoluż ta’ Isak salvat minn Martinez iżda sabu ruħhom 3-0 minn taħt meta Watkins (83) kien fil-post eżatt biex isib ix-xibka fuq deflection mad-difensur ta’ Newcastle, Trippier.

Ir-riżultat ifisser li Aston Villa  rebħu ħames logħbiet konsekuttivi fil-Premier Ingliż għall-ewwel darba mill-1998 u issa jinsabu sitt punti biss wara Newcastle li għadhom it-tielet fil-klassifika.

Everton tilfu f’darhom ma’ Fulham, 1-3, għal riżultat li kapaċi jkun sinifikanti ladarba jsiru l-kontijiet lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika. Kien Harrison Reed (22) li poġġa lill-Cottagers fil-vantaġġ iżda t-Toffees wieġbu ftit wara minn Dwight McNeil (33) u kellhom anki ċ-ċansijiet li jiksbu l-vantaġġ sal-mistrieħ.

Intant, it-tieni taqsima kienet diżastruża għal Everton, b’Fulham mill-ġdid imorru vil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob meta Willian sab lil Harry Wilson żmarkat, bl-eks plejer ta’ Liverpool (51) ma jiżbaljax għat-2-1. Everton ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienu Fulham li skurjaw mill-ġdid meta Daniel James (68) għeleb lil Pickford fuq is-suġġeriment ta’ Kenny Tete.

Frank Lampard għadu qed ifittex l-ewwel riżultat utli kemm ilu manager ta’ Chelsea – bil-Blues jerġgħu jitilfu, din id-darba kontra Brighton and Hove Albion (1-2), biex komplew bis-sensiela tad-disfatti wara t-telfiet ma’ Wolves u Real Madrid fiċ-Champions League.

Kienu fil-fatt Chelsea li fetħu l-iskor meta t-tentattiv ta’ Conor Gallagher (13) ixxellef għal ġewwa ma’ difensur għal gowl xi ftit iffortunat. Iżda Brighton wieġbu qabel il-mistrieħ meta Danny Welbeck (42) – li daħal jilgħab minflok l-attakkant regolari Ferguson —  għamilhom 1-1 bir-ras fuq il-kross ta’ Pascal Gross.

Fit-tieni taqsima wasal il-mument deċiżiv għal Brighton meta ż-żgħażugħ internazzjonali mill-Paragwaj Julio Enciso (70) spara fl-angolu tax-xibka biex kompla jżid it-tamiet tas-Seagulls li jikkwalifikaw għal waħda mill-kompetizzjonijiet Ewropej.

Southampton tilfu mill-ġdid, din id-darba kontra Crystal Palace (0-2) f’St Mary’s Stadium biex kważi spiċċaw l-isperanzi tat-tim mis-South Coast li jżomm postu fl-ogħla diviżjoni.

Is-Saints kienu aħjar mill-avversarji fl-ewwel taqsima iżda s-superjorità tagħhom ma ssarrfitx f’gowls – b’Kamaldeen Sulemana ifalli header faċli minn quddiem il-lasta.

Fit-tieni taqsima, Palace bdew ikunu aktar insidjużi u fl-54 minuta, Eberechi Eze witta t-triq għat-tielet rebħa konsekuttiva għat-tim tiegħu meta skorja minn rebound wara li l-gowlkiper Bazunu ma żammx il-ballun fuq ix-xutt ta’ Jordan Ayew. Il-gowl deċiżiv għal Palace ukoll kien grazzi għal Eze (68) li dar ma’ difensur qabel venven xutt perfett għar-rokna u għat-2-0 finali.

Wolverhampton Wanderers telgħu fit-13-il post tal-klassifika b’rebħa tajba, 2-0, fuq Brentford f’Molineux. Kien Diego Costa (27) li żblokka r-riżultat bl-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League fi kważi sitt snin u b’Wolves ma jħarsux lura minn dak il-ħin – bis-sostitut Hwang Hee-chan iserraħ ras sħabu mir-riżultat b’gowl ieħor skurjat f’nofs it-tieni taqsima.

B’dan ir-riżultat, Wolves kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-kampjonat għat-tieni darba biss fi 13-il xahar u meta huma, issa, fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq it-tielet tim mill-aħħar – f’dan il-każ Notts Forest li llum huma impenjati f’darhom ma’ Manchester United.