Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Pressjoni biex il-Fosos tal-Floriana jkunu mħarsa

“Iż-żamma tal-Fosos ilha snin tmur għall-agħar. Qisu ħadd mhu responsabbli minn din il-pjazza li fuq kollox hija wirt nazzjonali.”

Dan hu s-sentiment ta’ bosta persuni li fl-aħħar ġimgħat tkellmu ma’ Net News – b’filmati miġbuda minn dan l-istazzjon jikkonfermaw is-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha l-Fosos tal-Floriana, fejn hemm anke fanali neqsin u graffiti mal-fosos infushom.

Dan l-istazzjon saqsa lis-Segretarju responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Alison Zerafa Civili, x’se jagħmel il-Gvern quddiem din is-sitwazzjoni. Iżda din tefgħat ir-responsabbiltà fuq ta’ fuqha, il-Ministru Owen Bonnici.

U meta pressajniha għal tweġiba, qaltilna biss li qed isir l-aħjar li jista’.

Ħames snin ilu, il-Minority Leader fil-Floriana James Aaron Ellul kien ressaq mozzjoni biex il-Fosos ikun protett kif inhu xieraq, għax preżentament kif inhi s-sitwazzjoni ma hemm ħadd responsabbli minn din il-pjazza nazzjonali.

F’kummenti li kien għadda, hu stqarr li l-Kunsill Lokali m’għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-Fosos. U għalhekk l-għan tal-mozzjoni kien biex l-awtoritajiet, f’dan il-każ il-Ministeru tal-Kultura jaħtar entità biex tkun responsabbli hi minn din il-pjazza.

Ellul irrimarka li dan id-dewmien biex tinħatar entità responsabbli qed tħalli s-sitwazzjoni tal-Fosos tiddeterjorha fejn tenna li f’Ottubru tas-sena 2020 kien ġibed l-attenzjoni li minn din il-pjazza kienu ttieħdu żewġ fanali ornamentali u li l-awtoritajiet għadhom sal-lum ma jafux fejnhom.