Il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta mistennija tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar ta’ din is-sena.
Storja ppubblikata minn The Shift News żvelat li l-linja nazzjonali tal-ajru se tagħlaq u minflok se jkun hemm linja nazzjonali tal-ajru ġdida. Din il-kumpanija l-ġdida se tkun iżgħar fid-daqs u kummerċjalment vijabbli.
Dan il-pass mistenni li jkun iffinalizzat sal-aħħar ta’ din is-sena, filwaqt li l-impjegati se jingħataw pakkett finanzjarju skont il-ftehim kollettiv…pakkett li se jiswa l-miljuni li se jħallas għalihom il-poplu Malti u Għawdxi minn butu.
Bħalissa fi Brussel id-diskussjonijiet qed jiffukaw fuq kif it-tranżizzjoni għal-linja tal-ajru ġdida tista’ ssir mingħajr ma jinkisru r-regoli stretti tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat.
Sorsi ta’ The Shift News spejgaw li l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-Gvern li m’hemm l-ebda ċans li l-€290 miljun kienu se jkunu approvati. Din it-talba kienet saret fl-2020 sabiex il-linja tal-ajru terġa’ tiġi lura fuq saqajha. Dan meta l-Gvern wasal fl-istadju finali sabiex jagħlaq il-kumpanija AirMalta.
Il-piloti b’mod patikolari se jingħataw kumpens tajjeb minħabba l-ftehim sigriet li kien sar bejn l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-ALPA – l-union tal-piloti f’Jannar tal-2018.
The Shift huwa infurmat li dan il-mudell huwa simili għal mudell li uża l-Gvern Taljan meta għalqet l-linja tal-arju Alitalia u bdiet ITA. Iżda mossa bħal din se tiswa ħafna flus…flus li se jinħarġu mill-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Lura f’Awwissu li għadda l-Ministru Clyde Caruana kien qal li skont hu… ma hemm xejn ħażin rigward il-linja nazzjonali tal-ajru. Madanakollu meta dakinhar kien mistoqsi għal darba darbtejn biex iwieġeb jekk hux se jkun qiegħed jgħalaq l-Air Malta, Caruana żamm lura u ma weġibx….mingħajr ma eskluda xejn.
U minn dak iż-żmien sal-lum il-ġurnata l-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru u l-familji tagħhom tħallew fil-għama dwar x’se jiġri minnhom bit-tħassib ta’ dawn il-ħaddiema kulma jmur, qed ikompli dejjem jiżdied hekk kif mhu qed jingħata ebda assigurazzjoni mill-Gvern dwar x’se jiġri mill-futur tagħhom.
//= $special ?>