Tlett riżultati li żgur ħadd ma stenna, hekk kif it-timijiet kollha li kienu kkunsidrati bħala l-favoriti għal partiti rispettivi tagħhom ma kisbux ir-riżultat mixtieq, hekk kif Milan u Napoli kisbu punt wieħed biss, waqt li Inter tielfu tlett punti kontra Monza b’gowl ta’ Cadriola fl-aħħar kwarta logħob.
Bologna 1-1 Milan
Fl-ewwel partita tal-ġurnata, Milan ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Bologna barra minn darhom.
Il-Rossoneri ma rnexxielhomx ikomplu fuq il-forma tajba tagħhom wara r-rebħa kruċjali li kisbu iktar kmieni din il-ġimgħa kontra Napoli bl-iskor ta’ 1-0 fil-kwarti finali tal-UEFA Champions League.
Bologna ħasdu lill-avversarji tagħhom immedjatament hekk kif sabu x-xibka mal-ewwel minuta logħob. Il-gowl wasal minn żball ta’ Rebic li kkapitalizza fuqu d-difensur ċentrali Posch u b’kross preċiż sab lil Nicola Sansone li għeleb lil Maignan bla ebda diffikulta’.
Milan damu sal-40 minuta sabiex kisbu d-draw, b’Tommaso Pobega jniżżel ismu mal-iskorers meta ma ħasabhiex darbtejn sabiex jikkonkludi fix-xibka minn żball banali tad-difiża ta’ Bologna.
Napoli 0-0 Hellas Verona
Draw sorprendenti ieħor din id-darba għat-tim li jinsab fil-quċċatta tal-klassifika. Napoli ma rnexxielhomx isibu x-xibka f’90 minuta logħob biex b’hekk ġew miżmuma f’parità ta’ 0-0 kontra Hellas Verona.
Minkejja dan ir-riżultat diżapuntanti, Napoli għadhom jinsabu fl-ewwel post fil-klassifika b’vantaġġ ta’ 14-il punt fuq Lazio, li jinsabu fit-tieni post.
Inter 0-1 Monza
Monza kisbu rebħa mhux mistennija għall-aħħar hekk kif għelbu lil Inter f’San Siro bl-iskor ta’ 0-1.
Monza sabu x-xibka fit-78 minuta minn korner ta’ Ciurra li bi preċizjoni sab lil Luca Caldirola li xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras.
Riżultati u logħob:
Illum: Bologna 1-1 Milan, Napoli 0-0 Hellas Verona, Inter 0-1 Monza
Għada: Lecce v Sampdoria 12:30pm, Torino v Salernitana 3:00pm, Sassuolo v Juventus 6:00pm, Roma v Udinese 8:45pm
It-Tnejn: Fiorentina v Atalanta 8:45pm