Sewwieq ta’ mutur jinsab fil-periklu tal-mewt, wara li intlaqat fil-bypass ta’ Birkirkara.
Kien fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd meta ambulanza issejħet b’urgenża f’Birkirkara wara li s-sewwieq Pakistani – li għandu 29 sena – intlaqat minn vettura waqt li kien qiegħed iwassal deliveries tal-ikel.
Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li fl-inċident kienet involuta vettura tal-għamla Nissan Qashqai ta’ lewn abjad misjuqa minn raġel ta’ 33 sena residenti Tal-Pietà.
Għal raġuni mhux magħrufa, is-sewwieq ta’ din il-vettura tilef il-kontroll, u baqà dieħel fil-barriers tal-ħadid. Kawża ta’ dan, il-barriers li jifirdu it-triq spiċċaw inqalgħu minn posthom …. bil-vettura spiċċat fil-kariġġjata tad-direzzjoni opposta.
Konsegwenza ta’ dan, il-vettura laqtet mutur tad-deliveries, u karozza oħra tal-għamla Dacia misjuqa minn raġel Serb ta’ 36 sena residenti l-Gżira.
Is-sewwieq Pakistani, bid-daqqa, spicca mixhut mal-art f’nofs tat-triq. B’diversi persuni marru mal-ewwel biex jassistu; inkluż individwi li ħarġu minn darhom meta semgħu il-kommossjoni fuq barra.
Dan il-kaz seħħ ftit qabel nofs il-lejl … bit-triq kellha tinghalaq ghal hin twil.
Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza illi ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Hu ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li ħatar inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.