Lokali

Abela jinjora kull sfida preżenti – Idur għal politika tad-diviżjoni

Il-Mexxej Laburista f’attakk wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-kritika

Ebda diskors dwar il-kuntratti frawdolenti tal-istparijiet li l-Gvern Laburista newwel lill-Vitals u Steward. Ebda kelma mlissna dwar il-ħniżrijiet li semmiet Rosianne Cutajar. Injorat għal kollox l-appell għal inkjesta pubblika li qed jagħmlu l-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu f’Diċembru taħt it-tiġrif ta’ 4 sulari bini taħt kostruzzjoni.

Imqar sentenza waħda rigward il-kwistjoni tal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta li rapporti qed jisħqu li lanqas biss għandha sal-aħħar tas-sena miftuħa – għal kollox maħruba d-dikjarazzjonijiet u evidenza xokkanti ppubblikati fil-ktieb tan-nutar Robert Aquilina b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Bank Pilatus.

Iżda d-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela kien miżgħud b’argumenti deskritti bħala surreali…u agħar minn hekk diviżivi għall-aħħar f’diskors li indirizza fi tmiem il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Fl-isfond ta’ kriżi wara l-oħra li l-Labour xeħet fuq il-pajjiż – Robert Abela għażel li jdur għall-politika tal-huma u l-aħna – waqt li għoġbu jattakka lil min qiegħed jikkritika t-tmexxija tiegħu.

Minkejja li kellu l-okkażjoni li juri l-umiltà tiegħu wara li saħansitra l-issa eks Deputat Laburista Rosianne Cutajar spiċċat tat ir-riżenja tagħha mill-Partit, minkejja li għamel xhur l-istess Abela jiddefendiha – il-Mexxej tal-Labour insista li huwa kburi bil-ħidma tiegħu.

Dan filwaqt li ma semmiex settur wieħed li ħoloq Gvern taħt amministrazzjoni Laburista fl-aħħar 10 snin ta’ tmexxija tal-pajjiż u minflok faħħar is-setturi li nħolqu minn Gvern Nazzjonalista – grazzi għal viżjoni fit-tul li kellu Partit Nazzjonalista fit-tmun tal-pajjiż.

Intant, b’mod deskritt minn bosta bħala surreali, Abela faħħar il-ħidma tal-Partit Laburista fis-settur tas-saħħa – iżda falla milli jsemmi l-kriżi li l-Isptar Mater Dei inxteħet fih bi swali jinfetħu fil-kurituri, librerijji u canteen. Għażel li ma jsemmix il-kuntratti ta’ Vitals u Steward ikkundannati mill-Qorti u wisq inqas kif il-familji Maltin u Għawdxin se jkunu qed jieħdu l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lura.

U filwaqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne insista li l-Labour huwa l-partit tal-ambjent…..u li għandna nieħdu ħsieb il-bajjiet tagħna…Abela insista li l-Labour fil-Gvern se jkompli b’aktar żvilupp…inkluż mal-kosta ta’ pajjiżna.

Dan filwaqt li insista li Gvern Laburista għandu kredibilità fl-ekonomija iżda l-fatti juru biċ-ċar li kien Gvern tal-Labour li bbaża l-ekonomija attwali ta’ pajjiżna fuq ic-cheap labour tal-barrani…b’żieda fil-popolazzjoni bi kważi mitt elf persuna….żieda li l-esperti saħqu li Gvern tal-Labour ma preparax il-pajjiż għaliha..deċiżjoni li bosta professjonisti qed jisħqu li huma ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li qed iħallsu qares għaliha.