Lokali

Daniel Micallef jhedded lil tal-ħwienet -Alfred Sant jitkellem fuq “l-ibbażużlar”

Alfred Sant bi kliem iebes dwar l-ekonomija li adotta Gvern Laburista

Fil-Gżejjer Maltin u Għawdxin qed jinħass bil-kbir il-piż tal-għoli tal-ħajja fuq but iċ-ċittadin…u l-faqar qed jgħolli rasu..b’insistenza.

Dan ħareġ biċ-ċar mid-diskorsi indirizzati waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu bid-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef jisħaq li huwa ċar li l-għafsa tal-għoli tal-ħajja qiegħda tinħass….iżda minflok spjega kif Gvern tal-Labour se jkun qiegħed jgħin biex l-affarijiet essenzjali bħal ikel u prodotti tal-ħasil ma jibqgħux jiżdiedu huwa għażel li jattakka u jhedded lis-sidien tal-ħwienet.

Micallef kompla fuq in-narrattiva diviżiva tal-Prim Ministru Robert Abela f’attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor iżda fl-istess waqt ammetta li l-prijoritajiet tal-Labour huma differenti minn dawk tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Fatt ċar wara li fl-aħħar xhur il-poplu sar jaf bil-ħidma fil-kurituri ta’ kastilja u fi ħdan il-Partit Laburista biex jitħaxxnu l-bwiet tal-qalba u kuntratti frawdolenti.

Suġġett li tkellem dwar l-eks Mexxej Laburista u eks Prim Ministru…issa Membru Parlamentari Ewropew..Alfred Sant li tkellem dwar it-tentazzjoni ta’ tixħim u tħanżir fi ħdan il-Partit Laburista.

Surrealment dan id-diskors intlaqa miċ-ċapċip tas-sala minkejja li l-Kabinett ta’ Abela għadu qed jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli– b’Alfred Sant ikompli juża kliem iebes fil-konfront ta’ persuni li jimmilitaw fil-Partit immexxi minn Robert Abela.

Alfred Sant semma wkoll it-tbatija finanzjarja li bosta familji preżentament qed jgħaddu minnha u kkritika bl-aħrax l-ekonomija tal-prekarjat adottata minn Gvern Laburista.

Sitwazzjoni li tkelmet dwarha wkoll il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard fejn saħansitra saħqet li hawn tfal li jmorru l-iskola f’qagħda xejn pjaċevoli.

Intant, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne surrealment għażel li ma jindirizzax is-sitwazzjoni prekarja li preżentament qed taħkem lill-Isptar Mater Dei u wisq inqas jindirizza l-kwistjoni tal-isptarijiet ta’ Vitals u Steward…għajr li saħaq li fl-aħħar għaxar snin il-Labour ġab ix-xewk fuqu.

U filwaqt li ma semmiex kif Gvern tal-Labour se jkun qed iġib flus il-poplu lura u wisq inqas kif se jgħin lil batut…ammetta li ghall-Partit Laburista jinteressah biss il-vot.

Intant, huwa temm jgħid li l-emenda li biha l-Gvern tal-Labour irid idaħħal l-abort f’pajjiżna….se jibqgħu għaddejjin biha.