Il-Prim Ministru tal-Ġappun Fumio Kishida ħalef biex iżid is-sigurtà fil-pajjiż meta bħalissa qegħdin jaslu l-Ministri mill-pajjiżi tal-G7 – l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati fid-dinja.
L-impenn sar wara li Kishida, nhar is-Sibt, spiċċa l-mira ta’ aggressur li xeħet bomba tad-duħħan fid-direzzjoni tiegħu u li, imbagħad, spiċċa mrażżan mill-membri tas-sigurtà ftit wara.
L-inċident seħħ waqt avveniment pubbliku f’Wakayama u Kishida, wara, ikkonferma li ma ġralu xejn filwaqt li kkundanna l-att vjolenti. Il-Prim Ministru insista wkoll biex il-pajjiż jutilizza l-isforzi kollha għall-ħarsien tas-sigurtà waqt iż-żjara tal-Ministri li qed tattira l-attenzjoni tad-dinja.
Wara l-inċident, il-pulizija arrestaw raġel ta’ 24 sena li kien qed iġorr sikkina u oġġett li x’aktarx kienet bomba tan-nar oħra u li hu kellu jitlaq minn idu wara li qabżu fuqu l-pulizija u xi membri tal-pubbliku. Għalissa mhux ċar l-iskop wara l-attakk fuq il-Prim Ministru Kishida.
//= $special ?>